L-appoġġ taċ-ċittadini għall-UE u l-Parlament Ewropew b’mod partikolari żdied matul il-pandemija tal-COVID-19, skont stħarriġ ġdid tal-Eurobarometer.

Kważi terz ta’ dawk li wieġbu (32%) għażlu d-demokrazija bħala l-iktar valur Ewropew li għandna niddefendu, segwita mil-libertà tal-kelma u tal-ħsieb (27%) u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-UE u madwar id-dinja (25%). Iż-żieda fl-estremiżmu, it-tixrid tad-diżinformazzjoni, u d-dgħufija tas-saltna tad-dritt jikkawżaw tħassib għaċ-ċittadini Ewropej.

Dawn is-sejbiet jirriflettu r-riżultati tal-aħħar stħarriġ dwar il-Futur tal-Ewropa, ippubblikat mill-Parlament Ewropew u mill-Kummissjoni f’nofs Jannar 2022, fejn disgħa minn kull għaxar Ewropej jaqblu li għad fadal xi jsir biex tissaħħaħ id-demokrazija fl-UE.

Ħdax-il Stat Membru poġġew id-difiża tad-demokrazija l-ewwel: l-Iżvezja, il-Ġermanja, il-Finlandja, l-Italja, id-Danimarka, l-Awstrija, il-Lussemburgu, Malta, il-Polonja, iċ-Ċekja u l-Ungerija. Ir-rispondenti fiċ-Ċekja u fl-Ungerija poġġew ukoll l-ewwel u qabel kollox il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem.

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, b’reazzjoni għar-riżultati tal-istħarriġ, qalet: “Kif ġustament jindikaw iċ-ċittadini, id-difiża tad-demokrazija hija valur Ewropew importanti iktar minn kwalunkwe ieħor. Ma nistgħux nassumu li d-demokrazija hija akkwistata għal dejjem. L-estremiżmu, l-awtoritarjaniżmu u n-nazzjonaliżmu llum qed iżidu t-theddid għall-proġett Ewropew komuni tagħna.”

B’mod ġenerali, għal 42% taċ-ċittadini Ewropej, is-saħħa pubblika għad għandha tkun il-prijorità politika ewlenija għall-Parlament, segwita mill-qrib mill-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali (40%) u l-azzjoni kontra t-tibdil fil-klima (39%). Bħala medja tal-UE, iż-żgħażagħ ipoġġu l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima bħala l-prijorità ewlenija tagħhom għall-Parlament.

F’Malta, l-azzjoni kontra t-tibdil fil-klima hija l-prijorità ewlenija b’mod ġenerali għal 45 % ta’ dawk li wieġbu. Is-saħħa pubblika hija prijorità għal 39%, segwita mill-migrazzjoni u l-ażil, issa prijorità għal 37%. Hemm interess sostnut miċ-ċittadini Ewropej biex jitgħallmu aktar dwar il-ħidma tal-UE.

Skont dan l-istħarriġ, informazzjoni dwar kif il-fondi tal-UE jintefqu b’mod konkret hija l-aktar interessanti għal 43% ta’ dawk li wieġbu. Iċ-ċittadini jridu wkoll jitgħallmu aktar dwar il-konsegwenzi konkreti tal-leġiżlazzjoni Ewropea f’pajjiżhom (30%), l-attivitajiet konkreti tal-MPE nazzjonali tagħhom (29%) kif ukoll dwar x’qed tagħmel l-UE biex tegħleb il-pandemija tal-COVID-19 (29%).

“Iċ-ċittadini jridu u jistħoqqilhom aktar informazzjoni dwar l-impatt konkret tal-politiki u d-deċiżjonijiet tal-UE fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. In-nies għandhom ikunu jafu fejn jintefqu l-flus”, qalet il-President Metsola.

Il-Parlament Ewropew għamilha ċara li l-infiq tal-Fondi ta’ Rkupru tal-UE jeħtieġ li jkun ibbażat fuq pjanijiet ċari u approvati, ikun soġġett għal kontroll u trasparenza konsistenti u jkun jiddependi mir-rispett tal-valuri demokratiċi ewlenin tagħna.

Maġġoranza kbira taċ-ċittadini tal-UE (58 %) jappoġġaw rwol aktar importanti għall-Parlament Ewropew fil-futur, filwaqt li s-sehem taċ-ċittadini tal-UE b’immaġni pożittiva tal-Parlament Ewropew kiber bi 12-il punt mill-2015 għal 36%, inkluż titjib ta’ 3 punti mill-2019 ’l hawn. 45% ta’ dawk li wieġbu għandhom opinjoni newtrali dwar il-Parlament Ewropew u 17% biss għandhom immaġni negattiva.

Il-maġġoranza taċ-ċittadini tal-UE (62%) iqisu s-sħubija ta’ pajjiżhom fl-UE bħala ħaġa tajba, b’9 % biss jgħidu mod ieħor, dawn huwa għat-tieni sena l-ogħla riżultat mill-2007 ’l hawn. Kważi tliet kwarti ta’ dawk li wieġbu (72%) jgħidu li pajjiżhom ibbenefika mis-sħubija fl-UE. F’dan ir-rigward, il-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu (63%) jgħidu li huma ottimisti dwar il-futur tal-UE.