Ninsabu fi klima ta’ kampanja elettorali. Il-partiti politiċi qed jippreparaw għall-bidu formali tat-tellieqa fost spekulazzjoni dejjem tikber dwar id-data. Għalkemm s’issa it-tellieqa għadha bdietx uffiċjalment, il-magni tal-partiti politiċi rispettivi diġà jinsabu fl-aqwa tagħhom. Il-billboards bdew jiżdiedu, l-attivitajiet politiċi qed jikkargaw waqt li l-mexxejja tal-partiti qed jindirizzaw konferenzi tal-aħbarijiet ta’ kuljum u jduru l-pajjiż. Sadanittant il-kandidati diġà bdew jissieltu ma’ sħabhom stess tad-distrett biex jirbħu siġġu parlamentari.

Hu sigriet magħruf li meta jkun hemm elezzjoni, il-prudenza fiskali tisfuma fix-xejn u minflok donnu tidħol mentalità ta’ money no problem. Atteġjament bħal dan iġiegħlek tistaqsi jekk l-amministrazzjoni tal-pajjiż f’daqqa waħda tkunx qed isofri minn xi amneżija għax sa ftit qabel konna nisimgħu li m’hemmx flus għal dik u m’hemmx flus għall-oħra.

L-2022 tidher li mhix eċċezzjoni. Ftit tal-jiem ilu, il-Prim Ministru ħabbar €70 miljun f’għotjiet u rifużjonijiet tat-taxxa lil prattikament kull ċittadin tal-Gżejjer Maltin. Dawn ivarjaw minn ċekkijiet ta’ €200 jew €100 “biex jistimulaw l-ekonomija” u “rifużjonijiet ta’ taxxa” sa €135. Deċiżjoni bħal din, fuq l-għatba tal-elezzjoni, qanqlet ċertu suspett. Min-naħa tiegħu l-Ministru tal-Finanzi insista li l-pajjiż kien jiflaħ tali spiża, u qal li d-defiċit ta’ Malta fl-2021 kien inqas milli mistenni. Tali assigurazzjoni, madankollu, għandha tittieħed b’kawtela. Ix-xahar li għadda l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qal li d-dejn tal-gvern kien laħaq it-€8 biljun – somma li tirrappreżenta d-dejn totali akkumulat mill-1964 – li minnhom €1.1 biljun ġew akkumulati f’sena waħda biss mill-2020 ’l quddiem.

Interessanti l-fatt li din id-darba l-gvern għażel li jagħti flus kontanti biex jistimula l-ekonomija, filwaqt li kien jagħmel aktar sens li jinħarġu vouchers. Filwaqt li dawn tal-aħħar għandhom effett ekonomiku qawwi għax iżidu l-kummerċ, l-għoti ta’ ċekkijiet jista’ jkollu inqas impatt peress li l-benefiċjarji mhumiex marbuta li jonfquhom. Fir-rigward tal-krediti tat-taxxa, ikun tajjeb li nkunu nafu jekk dawk li għandhom xi kont pendenti jew li qed jevadu, hux se jkunu qed jirċievu r-rifużjoni xorta waħda. X’sens jagħmel li tikseb rifużjoni fuq kont li qatt ma ħallast?

F’ċirkustanzi bħal dawn huwa diffiċli li wieħed jargumenta kontra kull min iħoss li dan huwa primarjament eżerċizzju ta’ xiri ta’ voti billi jinħoloq feel-good factor, jew sempliċiment strateġija biex titneħħa l-attenzjoni minn kwistjonijiet oħra bħall-kontroversja dwar is-€17,000 fil-ġimgħa li l-Prim Ministru kien ħa  taħt il-predeċessur tiegħu Joseph Muscat. Mhix sorpriża li l-Oppożizzjoni ikkritikat in-nefqa ta’ €70 miljun bħala għotja tal-frak filwaqt li ftit magħżula għandhom il-kejk kollu.

L-argument tal-gvern li dawn il-flus kontanti huma maħsuba biex jiġġieldu l-inflazzjoni jista’ jkun leġittimu peress li dawn il-flus se jtaffu ftit mill-piż li jiffaċċjaw dawk li jaqilgħu dħul baxx. Is-soluzzjoni m’għandiex tkun li kull tant żmien toħroġ il-flus. Inkella x’ikun hemm differenti mill-każ tal-fireplace tal-Air Malta?

Madankollu, il-pajjiż irid iħares lejn soluzzjonijiet fit-tul. Xi ngħidu dwar l-investiment biex jitħarrġu l-impjegati u jiġu implimentati inċentivi lil min iħaddem bħala parti minn pjan wiesa’ biex jitjiebu l-pagi? Ftit jagħmel sens li tibbaża ekonomija fuq cheap labour filwaqt li tieħu azzjoni sporadika permezz ta’ injezzjonijiet ta’ flus kontanti. Barra minn hekk, it-tqassim tal-flus lejlet elezzjoni ma jawgurax tajjeb, peress li se jżid il-probabbiltà li s-setturi vulnerabbli tal-elettorat isir aktar dipendenti fuq il-politiċi. Dan żgur huwa sinjal inkwetanti għal kull demokrazija.