Ejja nnaqsu t-tniġġis mit-toroq
It-tisħin globali jipperikola lil saħħitna, jagħmel ħsara lis-sigurta’ nazzjonali u jhedded ħtiġiet bażiċi umani oħrajn. Uħud mill-effetti, bħal temperaturi għoljin, livelli tal-baħar li qed jogħlew kif ukoll għargħar u nixfa – huma diġa’ komuni u qed jiġu esperjenzati f’diversi pajjiżi. Imma fattur partikulari mhux qed jingħata biżżejjed widen u jeħtieġ li jiġi indirizzat bis-serjeta’. Qed nitkellmu fuq il-vetturi personali tagħna fit-toroq.
Id-densita’ tal-popolazzjoni għolja ta’ Malta, flimkien man-numru konsiderevoli ta’ karozzi fit-toroq, wasslet għal statistiċi kemmxejn xokkanti.
Minbarra dan kollu, it-tniġġis fit-toroq qed imur għall-agħar, b’karozzi antiki li suppost mhumiex qed jinstaqu għadhom jiċċirkolaw u jdaħħnu kulfejn imorru.
X’nistgħu nagħmlu biex innaqqsu t-tniġġiż fit-toroq?
Vetturi li huma effiċjenti mill-fuel, u allura ma jħammġux wisq, jużaw inqas petrol jew diesel biex isir traġitt bl-istess distanza minn karozzi inqas effiċjenti. Meta jinħaraq inqas fuel, jiġu ġġenerati inqas emissjonijiet. Meta l-emissjonijiet ikunu baxxi, l-andament tat-tisħin globali jonqos.
Fuels aktar nodfa jipproduċu inqas emissjonijiet meta jinħarqu. Ir-riċerka turi li wħud mill-fuels jistgħu jnaqqsu l-emissjonijiet bi 80 fil-mija meta mqabbla mal-petrol. Barra minn hekk, regolamenti aħjar għandhom jgħinu biex jipprevjenu l-petrol jew id-diesel li nużaw milli jitħammeġ iżjed.
Karozzi u trakkijiet li jaħdmu bl-elettriku (li għad irridu naraw f’pajjiżna) jużaw l-elettriku bħala fuel u kawża t’hekk jipproduċi inqas emissjonijiet minn vetturi konvenzjonali. Meta l-elettriku jiġi minn sorsi li jiġġeddu, il-vetturi kollha li jaħdmu bl-elettriku ma jipproduċu ebda emissjoni meta jinstaqu.
Dawn u soluzzjonijiet oħrajn huma disponibbli llum – iżda jista’ isir ħafna iżjed.
Sadattant, minflok nilmentaw meta naraw xi vetturi li qed iddaħħnu u nibqgħu passivi, issa huwa l-waqt li nagħmlu xi ħaġa. Transport Malta qed tfakkar lill-pubbliku li jeżisti n-numru tal-SMS u vetturi li qed jagħmlu ħsara lill-ambjent jistgħu jiġu rappurtati permezz tan-numru 5061 1899. Hi ħaġa tajba li tkun taf bil-problema, iżda kemm hu aħjar li tieħu sehem b’mod attiv biex toħroġ b’soluzzjoni.