Teenage girl working on school project

Is-swieq tax-xogħol tal-lum huma postijiet  tax-xogħol iebsin għal uħud miż-żgħażagħ li qed ifittxu x-xogħol. Ħafna jħossu l-pressjoni  li jaċċettaw l-ewwel impjieg li jiġu offruti, xi kultant mingħajr ma jikkunsidraw jekk il-kundizzjonijiet tax-xogħol ipoġġux is-saħħa u s-sigurta’ tagħhom  f’riskju. 

Din hi problema, peress li ħaddiema żgħażagħ iġarrbu ġrieħi jew mard fuq ix-xogħol b’rati ferm għoljin minn ħaddiema adulti. 

Globalment, 374 miljun ħaddiem ġarrbu ġrieħi mhux fatali fil-post tax-xogħol fl-2014. Skont l-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u  s-Sigurta’ fil-Post tax-Xogħol, iż-żgħażagħ fl-Ewropa huma 40 fil-mija aktar suxxettibbli li jġarrbu ġrieħi relatati max-xogħol minn ħaddiema akbar minnhom fl-eta’. 

Is-saħħa u s-sigurta’ fil-post  tax-xogħol hu dritt bażiku tal-bniedem, iżda hemm aktar  minn hekk. Ir-rata għolja ta’ inċidenti fost il-ħaddiema żgħażagħ hi ta’ tħassib partikulari, għax inċident wieħed jista’ jeqred il-ħajja u  l-opportunitajiet ta’ karrieri, id-dħul finanzjarju kif ukoll il-ħarsien ġenerali.  

Prattiċi foqra dwar is-saħħa u s-sigurta’ jiswew kważi erbgħa fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross globali kull sena, kważi tliet triljuni f’ewro. Filwaqt  li dawn l-istimi huma bbażati primarjament fuq l-ispiża ekonomika għan-negozji u l-gvern, meta ħaddiem żagħżugħ iweġġa’, snin  ta’ produttivita’  jintilfu flimkien mal-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ. 

Hemm numru ta’ fatturi li jpoġġu lill-ħaddiema żgħażagħ f’riskju. Dawn jinkludu impjiegi instabbli, il-livelli edukattivi, in-nuqqas ta’ ħiliet u taħriġ, l-iżvilupp fiżiku tal-persuna u l-vulnerabbiltajiet fost il-ħaddiema żgħażagħ. 

Kif nistgħu nsolvu l-problema? Dan jista’ jseħħ billi ż-żgħażagħ jkunu aktar involuti, tissaħħaħ id-data, issir aktar enfasi fuq il-leġislazzjoni u r-regolarizzazzjoni, tingħata iżjed importanza lill-ftehim kollettivi u fuq kollox jitkattar l-għarfien u tissaħħaħ l-edukazzjoni  fost il-ħaddiema żgħażagħ u min iħaddem. 

L-assigurazzjoni tas-sigurta’ għall-ġenerazzjoni ta’ ħaddiema żgħażagħ illum hi wkoll investiment fis-sigurta’ tal-ġenerazzjonijiet tal-futur kif ukoll investiment intelliġenti għan-negozji u s-soċjeta’ b’mod ġenerali. 

Iż-żgħażagħ jifhmu r-realtajiet tal-ħajja tagħhom fil-post tax-xogħol aħjar minn ħaddieħor filwaqt li l-vuċijiet u l-ideat tagħhom għandhom ikunu ċentrali għall-isforzi biex jiggarantixxu s-saħħa u s-sigurta’ tagħhom fil-post tax-xogħol.