€1 miljun f’kirjiet fuq proġett li mhux magħruf meta se jitlesta
Il-proġett ta’ Dar San Ġużepp ilu mill-2013
Proġett ta’ dar għall-anzjani f’Għawdex li inbeda kważi għaxar snin ilu u li diġà sewa aktar minn €1 miljun mill-flus il-poplu, jinsab fil-limbu għax il-Gvern ma jafx meta se jitlesta.
Din is-saga bdiet fl-2013 meta l-Ministeru t’Għawdex kien ħabbar proġett biex binta tal-Knisja li kienet tintuża bħala hostel taż-żgħażagħ – Dar San Ġużepp f’Għajnsielem – tinbidel f’residenza għall-anzjani mmexxija mill-gvern li tinkludi 70 kamra u 140 sodda. Disa’ snin wara, il-proġett jinsab abbandunat hekk kif ix-xogħlijiet waqfu għal kollox. Madankollu, il-gvern diġà ħallas €1.01 miljun f’kera skont il-ftehim li jiskadi fl-2048.
Il-każ tqajjem mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) f’rapport li investiga kemm il-prattiċi attwali relatati mal-kura residenzjali u fil-komunità implimentati mill-Ministeru t’Għawdex ikkontribwew għal servizzi tajbin, kwalità, effiċjenza u prezzijiet raġonevoli.
Minn din l-investigazzjoni irriżulta li d-dewmien fil-proġett kien sintomatiku ta’ dgħjufijiet fl-ippjanar u t-tmexxija tal-kuntratti li ma kinux biss taħt ir-responsabbiltà tal-ministeru. Każ partikolari huwa relatat mal-proċess ta’ evalwazzjoni tas-sejħiet għall-offerti fosthom dik maħruġa f’Lulju 2020 li għadha qed tiġi evalwata.
Barra minn hekk, l-NAO irrimarka dwar nuqqas ta’ direzzjoni ċara fil-pjanijiet tal-gvern fir-rigward ta’ min kien se jmexxi l-faċilità. Għalkemm inizjalment id-deċiżjoni kienet li jkun hemm dar immexxija mill-Istat, aktar tard fl-2018, il-gvern ikkummissjona studju biex jivvaluta l-aħjar mudell finanzjarju u ekonomiku. B’mod sorprendenti, ħareġ li l-aħjar mudell ma kienx dak magħżul ħames snin qabel iżda li d-dar tinkera lil terzi peress li dan jista’ jwassal biex ikunu ffrankati bejn €30 sa €40 kuljum għal kull pazjent. Konsegwentement, dan wassal lill-NAO biex jirrimarka li kien ikun aktar ta’ benefiċċju li kieku studju bħal dan sar fil-bidu nett fl-2013.
Fil-konklużjoni tiegħu l-NAO esprima opinjoni pjuttost negattiva għall-proġett, peress li sa meta nkiteb ir-rapport il-ministeru ma kienx għadu stabbilixxa d-data tat-tlestija tal-proġett u meta kienu se jidħlu l-ewwel residenti. Matul dan il-proġett ġew imwegħda diversi dati mill-gvern iżda qatt ma nżammu, bl-aħħar wegħda kienet li d-dar kienet ser tiftaħ il-bidu tas-sena li għaddiet.
Għalkemm l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ma wasalx biex jiddeskrivi l-proġett bħala flus fil-ħala, irrimarka li n-nefqa relatata mal-kiri ta’ din ir-residenza se tkompli tiżdied mingħajr ebda benefiċċju fil-futur qrib. Fid-dawl ta’ dan l-NAO talab lill-ministeru biex jistabbilixxi jekk il-proġett għandux jimxi ’l quddiem kif kien ippjanat oriġinarjament u biex jaħtar tim b’saħħtu biex il-proġett sa fl-aħħar jitlesta.