Il-libertà tal-espressjoni u l-influss ħieles tal-informazzjoni huma l-pedamenti ta’ dibattitu pubbliku u d-demokrazija. Il-fatt li huma l-gwardjani ta’ dawn il-libertajiet, il-ġurnalisti huma kruċjali biex is-soċjetà tagħna tiffunzjona. 

Madankollu, il-libertà tal-espressjoni llum qed tħabbat wiċċha ma’ diversi sfidi. F’ħafna pajjiżi, il-ġurnalisti u persuni oħrajn fil-media qed jiffaċċjaw theddid bħaċ-ċensura, pressjoni politika u ekonomika, intimidazzjoni u insigurtà fl-impjieg tagħhom. F’Malta, dan kollu mhux eċċezzjoni. 

Riċentamentassistejna episodju klassiku ta’ ċensura fejn l-Awtorità tax-Xandir ħarġet  direttiva lix-xandar nazzjonali, il-PBS, u ordnatlu biex ma jxandar ebda mistoqsija mill-ġurnalisti waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Gvern dwar il-COVID-19. Ir-raġuni li tressqet kienet biex tkun assigurata l-imparzjalità fuq ix-xandir pubbliku. 

Jekk l-Awtorità  tax-Xandir tabilħaqq trid li x-Xandir nazzjonali jkun imparzjali u bilanċjat, għandha tara għaliex il-kamra tal-aħbarijiet tal-PBS spiss tagħżel li ma tirrappurtax skandli tal-Gvern. Minflok indirizzat il-kwistjonijiet tal-imparzjalità u l-bilanċ, l-Awtorità tax-Xandir ħarġet  direttiva li serviet biss biex tniżżel il-libertà  tal-espressjoni f’Malta iżjed ‘il isfel fl-abbiss. Mhux ta’ b’xejn li sejrin ħażin ħafna fl-indiċi dwar il-libertà tal-istampa! 

Offiża bħal din, imwettqa mill-Awtorità tax-Xandir, tassew għandha effett negattiv fuq il-libertà tal-ġurnaliżmu. 

Barra minn hekk, abbażi tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Malta għandha l-obbligi biex tipproteġi lill-ġurnalisti. 

L-awtoritajiet mhux biss għandhom jieqfu milli jintimidaw dikjarazzjonijiet  politiċi jew prattiċi ġudizzjarji kontra n-nies tal-media, imma wkoll għandhom id-dmir li b’mod attiv jagħtuhom l-protezzjoni sħiħa tal-liġi sabiex jinħoloq ambjent bla xkiel għall-attivitajiet ġurnalistiċi tagħhom.