In-negozjaturi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill laħqu ftehim proviżorju dwar Digital Green Certificate biex jiġi faċilitat il-moviment liberu fl-Ewropa matul il-pandemija.

Iċ-ċertifikat se jkun disponibbli jew f’format diġitali jew f’format stampat. Dan għandu jiċċertifika li persuna tkun tlaqqmet kontra l-coronavirus jew li jkollha riżultat negattiv reċenti tat-test jew li tkun irkuprat mill-infezzjoni. Fil-prattika, dawn se jkunu tliet ċertifikati distinti. Qafas komuni tal-UE ser jippermetti lill-istati membri joħorġu ċertifikati li mbagħad jiġu aċċettati f’pajjiżi oħra tal-UE.

Ir-Regolament tal-UE dwar iċ-Ċertifikat diġitali Covid għandu jkun fis-seħħ għal 12-il xahar. Iċ-ċertifikat mhux se jkun prekundizzjoni biex jiġi eżerċitat id-dritt tal-moviment liberu u mhux se jitqies bħala dokument tal-ivvjaġġar.


Fondi għall-ittestjar

Sabiex l-“ittestjar affordabbli u aċċessibbli” jsir disponibbli b’mod aktar wiesa’, il-Kummissjoni Ewropea impenjat ruħha li talloka “mill-inqas €100 miljun” mill-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenzi għax-xiri ta’ testijiet tal-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 għall-fini tal-ħruġ ta’ ċertifikati diġitali tal-UE tat-test tal-Covid. In-negozjaturi qablu li, jekk ikun meħtieġ, għandu jiġi allokat finanzjament addizzjonali ta’ aktar minn €100 miljun, soġġett għall-approvazzjoni mill-awtoritajiet baġitarji.


Restrizzjonijiet addizzjonali fuq l-ivvjaġġar biss jekk ġustifikati

L-Istati Membri m’għandhomx jimponu restrizzjonijiet addizzjonali fuq l-ivvjaġġar b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, bħall-kwarantina, l-awto-iżolament jew l-ittestjar, “sakemm dawn ma jkunux meħtieġa u proporzjonati għall-ħarsien tas-saħħa pubblika”. Għandha titqies l-evidenza xjentifika disponibbli, “inkluża data epidemoloġika ppubblikata miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC)”. Tali miżuri għandhom jiġu notifikati lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn 48 siegħa qabel.


Tilqim

L-Istati Membri għandhom jaċċettaw ċertifikati tat-tilqim maħruġa fi Stati Membri oħra għal persuni mlaqqma b’vaċċin awtorizzat għall-użu fl-UE mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA). Ser ikun f’idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu jekk jaċċettawx ukoll ċertifikati ta’ tilqim minn Stati Membri oħra li jkunu segwew proċeduri nazzjonali ta’ awtorizzazzjoni ta’ emerġenza ta’ vaċċini oħra elenkati mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għall-użu ta’ emerġenza.


Protezzjoni tad-data

Iċ-ċertifikati se jiġu vverifikati biex jiġu evitati l-frodi u l-falsifikazzjoni, kif ukoll biex tkun stabbilita l-awtentiċità tas-siġilli elettroniċi inklużi fid-dokument. Id-data personali miksuba miċ-ċertifikati ma tistax tinħażen fl-istati membri tad-destinazzjoni u mhu ser ikun hemm l-ebda bażi ta’ data ċentrali stabbilita fil-livell tal-UE. Il-lista tal-entitajiet li ser jipproċessaw u jirċievu d-data se tkun pubblika sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tal-protezzjoni tad-data skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.

Il-pass li jmiss

It-test maqbul issa ser jitressaq quddiem il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili u mbagħad fil-plenarja għall-approvazzjoni kif ukoll lill-Kunsill. Jekk jiġi kkonfermat mill-Kumitat, dan għandu jitressaq għall-adozzjoni fis-sessjoni plenarja ta’ Ġunju.