Covid-19: Żewġ realtajiet differenti
Fis-7 ta’ Marzu 2020, Malta rreġistrat l-ewwel każ ta’ coronavirus wara li Taljana ta’ 12-il sena ttestjat pożittiv. Ħafna beżgħu li l-agħar kien għadu ġej, imma ftit setgħu jbassru dak li kien ser jiġri verament. Sena wara, il-każi kienu telgħu għal 23,000, kien hemm iktar minn 320 vittma, u n-numru ta’ każijiet attivi qabeż l-2,500.
Iżda meta jkunu analizzati l-ewwel ġimgħat tal-pandemija f’Malta, dawn iċ-ċifri huma sorprendenti għax fil-bidu s-sitwazzjoni kienet taħt kontroll. Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa bejn Marzu u l-1 ta’ Lulju, 2020, kien hemm 669 każ u 9 imwiet. Il-paragun mal-aħħar erba’ xhur hu xokkanti: Bejn Novembru u Frar kien hemm 16,000 każ u aktar minn 250 mewt. Fl-4 ta’ Marzu ntlaħaq rekord ġdid – 362 każ f’ġurnata.
Hu għalhekk li qed tqum il-mistoqsija: X’mar ħażin biex ninsabu f’din is-sitwazzjoni? Filwaqt li m’aħniex esperti mediċi, huwa fatt li f’mument partikolari il-Gvern bidel il-pożizzjoni radikalment. Dan kien rifless fid-dikjarazzjoni tad-Deputat Prim Ministru fl-1 ta’ Ġunju li għadda meta qal li Malta kienet rebħet il-gwerra kontra COVID-19. Din il-bidla strateġika fil-pożizzjoni tal-Gvern saħansitra fissret li Malta kienet qed tiġi reklamata bħala destinazzjoni tal-parties taż-żgħażagħ! Illum kulħadd jammetti li dan kien żball. Malta kienet rebħet battalja iżda mhux il-gwerra. Minkejja l-appelli tat-tobba biex ikun hemm aktar kawtela, il-Gvern kompla jibgħat messaġġi kunfliġġenti. Kien biss meta s-sitwazzjoni saret allarmanti li ttieħdet id-deċiżjoni li l-barijiet jerġgħu jgħalqu. Iżda din kienet miżura nofs kedda għax ċerti stabbilimenti baqgħu miftuħin bl-iskuża li kienu rregolati minn liċenzja differenti. Sadanittant, eluf bdew jaqsmu għal Għawdex biex jiċċelebraw il-festi tal-Milied u s-Sena l-Ġdida. B’kuntrast ma’ dak li kien ġara f’April 2020, din id-darba l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn Għawdex ma ġiex ipprojbit. Biex tgħaxxaq il-Gvern stess organizza programm ta’ attivitajiet tal-Milied fil-Belt Valletta. F’ħin minnhom, l-awtoritajiet saħansitra ippruvaw jikkonvinċu lill-pubbliku li bl-iskejjel miftuħa l-pandemija kienet qed tinżamm taħt kontroll. Dan meta ftit xhur qabel kien sar bil-kontra u ngħalqu għal tliet xhur.
Eventwalment, il-Gvern ma setax ikompli jdaħħal rasu fir-ramel u jinjora ir-realtà. Minkejja li bdiet tingħata t-tilqima, il-każijiet komplew jiżdiedu tant li issa l-medja tal-każi ġodda ta’ kuljum għall-ewwel darba qabżet il-200. Għal darb’oħra, il-Gvern reġa’ ma ħax il-parir tat-tobba u minflok iddeċieda li jibda jneħħi r-restrizzjonijiet. Il-Gvern kien saħansitra ħabbar li minn dan ix-xahar il-ħinijiet tal-ftuħ tar-ristoranti kienu se jiġu estiżi u l-perspex fid-djar għall-anzjani kienu se jitneħħew. Dan minkejja li t-tobba wissew li s-sistema tas-saħħa ma kienitx tiflaħ wisq aktar u kien hemm riskju li tikkollassa. Din id-darba l-Gvern waħħal fil-varjant tar-Renju Unit u ma tax widen lill-esperti. Kien biss meta l-opinjoni pubblika daret kontrih fost kritika qawwija li iddeċieda li jieħu azzjoni u reġa’ daħħal xi restrizzjonijiet.
Sfortunatament jidher ċar li jekk mhux se jkun hemm impenn politiku biex l-affarijiet isiru bis-serjetà, dan il-kapitlu se jieħu ħafna iktar żmien biex jintemm. Strateġija populista bħal din ma tagħmilx sens fl-isfond tad-dikjarazzjonijiet tal-Prim Ministru stess li esprima l-mira hi li Malta tmur lura għan-normal sa Mejju. Jidher li qed ngħixu żewġ realtajiet differenti: waħda ta’ Kastilja u l-oħra ta’ dawk li jinsabu fuq il-front tal-ġlieda kontra COVID-19.