Covid-19: Kif nistgħu naslu għal herd immunity?
Il-kisba tal-hekk imsejħa herd immunity kontra Covid-19 tiddependi fuq il-ħeffa tal-programm ta’ tilqim, in-numru ta’ nies li jagħżlu li jieħduha, ir-rata ta’ suċċess tal-vaċċin innifsu kif ukoll il-provvista tal-vaċċin li mistennija tiżdied.
Dan qalu l-viroloġista Chris Barbara f’kummenti lil Voice of the Workers Weekly.
It-terminu herd immunity ifisser dik il-protezzjoni minn marda infettiva li sseħħ meta popolazzjoni jkollha l-immunità jew permezz ta’ tilqima jew wara li tkun ġiet infettata. Skond l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa il-perċentwal tal-popolazzjoni li trid tiġi mlaqqma kontra Covid-19 biex tintlaħaq herd immunity s’issa mhix magħrufa. Barra minn hekk, dan il-perċentwal x’aktarx ivarja skont il-komunità, il-vaċċin, il-popolazzjonijiet fejn il-tilqima ngħatat prijorità u fatturi oħra.
Fil-kummenti tiegħu Dr Barbara irrimarka li l-vaċċin Pfizer/Biontech li qed jingħata f’Malta huwa 95 fil-mija effettiv. Dan il-vaċċin se jingħata f’żewġ dożi, f’perjodu ta’ 21 jum. Madankollu, hemm vaċċini ta’ ditti oħra li mistennija jidħlu fis-suq. Filwaqt li l-vaċċin Moderna għandu jkun liċenzjat f’dawn il-jiem, hemm ukoll il-vaċċin Astra Zeneca li mistenni jasal fl-Ewropa fil-ġimgħat jew xhur li ġejjin.
Għalkemm xi ditti jistgħu jkunu aktar kompatibbli minn oħrajn, skont l-individwu, jidher li fil-prinċipju dawn it-tliet vaċċini qed ikollhom l-istess livelli ta’ suċċess, qal Dr Barbara.
Pfizer/Biontech u Moderna huma bbażati fuq metodu innovattiv magħruf bħala mRNA li bih iċ-ċelloli umani jiġu instigati jipproduċu l-ispike tal-virus li jwassal biex il-ġisem jipproduċi dawk li jissejħu l-antibodies li jiġġieldu l-virus.
Fil-każ tal-vaċċin Astra Zeneca, irriżulta li s-suċċess tjieb b’mod drammatiku meta l-ewwel doża ngħatat nofsha biss u mhux kollha. Barra minn hekk, dan joffri l-vantaġġ li m’għandux bżonn li jkun maħżun f’temperatura ta’ -70 ℃, bħad-ditti tal-vaċċini l-oħra.
Dr Barbara irrimarka li l-vaċċin ma damx ħafna biex ikun prodott peress li kienet diġà saret ħafna riċerka xi snin ilu għall-virus Sars li huwa tip ieħor ta’ corona virus. Il-proċess tħaffef ukoll grazzi għall-baġit enormi allokat. Huwa żied li n-numru ta’ provi kliniċi li saru kien ekwivalenti għal dak ta’ vaċċini oħra. Fil-każ ta ‘ Pfizer kien hemm 44,000 parteċipant fit-tielet fażi biss.
Il-viroloġista sostna li provi fuq annimali wrew li l-livell ta’ immunità tal-vaċċin huwa ħafna ogħla mill-immunità naturali żviluppata minn kull min ikun ġie infettat.
“Din hija r-raġuni għaliex dawk li ħadu l-virus f’xi stadju se jkunu mistiedna jieħdu l-vaċċin ukoll, minħabba li l-livell ta’ protezzjoni tagħhom se jiżdied,” qal Dr Barbara.
Sadanittant, l-awtoritajiet tas-saħħa jinsabu fil-proċess li jniedu kampanja ta’ informazzjoni permezz ta’ fuljetti li se jintbagħtu f’kull dar. Dawn se jkun fihom linji gwida mediċi li jiddeskrivu kif, meta u jekk il-vaċċin għandux jingħata. F’dan l-istadju din informazzjoni diġà qed tingħata lit-tobba.
Mistoqsi dwar il-varjant Covid-19 li oriġina fir-Renju Unit u li diġà nstab f’Malta, Dr Barbara ikkonferma li dan hu sa 70 fil-mija aktar infettiv. Fortunatament, jidher li mhuwiex agħar mill-virus l-ieħor f’termini ta’ sintomi u kumplikazzjonijiet. Minkejja dan, il-viroloġista appella għal kawtela u dixxiplina biex in-numru ta każijiet attivi jinżamm baxx kemm jista’ jkun.