Bħala parti mir-reazzjoni konġunta tal-UE għall-COVID-19, il-MPE adottaw tliet proposti urġenti fis-sessjoni plenarja straordinarja l-Ħamis 26 ta’ Marzu 2020.

 

Il-miżuri urġenti biex jgħinu lin-nies u n-negozji jaffrontaw il-kriżi ġew adottati kważi unanimament anqas minn ġimgħatejn wara li l-Kummissjoni ppreżentat il-proposti.

 

Il-proposti approvati huma:

 

·    LL-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus. Dawn il-miżuri huma maħsuba biex iwasslu 37 biljun euro mill-fondi disponibbli tal-UE kemm jista’ jkun malajr liċ-ċittadini, ir-reġjuni u l-pajjiżi l-aktar milquta mill-pandemija. Il-fondi ser jingħataw lis-servizzi tal-kura tas-saħħa, l-SMEs, is-suq tal-impjiegi u partijiet vulnerabbli tal-ekonomiji tal-istati membri. Il-proposta ġiet adottata b’ 683 vot favur, 1 kontra u 4 astensjonijiet.

 

·       L-estensjoni tal-Fond ta’ Solidarjeta tal-UE biex ikunu koperti emerġenzi ta’ saħħa pubblika. Il-miżuri ser iwasslu 800 miljun euro lill-istati membri fl-2020. L-operazzjonijiet eliġibbli ser jiġu estiżi biex ikopru l-appoġġ f’emerġenza maġġuri ta’ saħħa pubblika, inkluża l-għajnuna medika, kif ukoll miżuri biex tiġi mwaqqfa, monitorata jew ikkontrollata l-firxa tal-mard. Il-proposta ġiet adottata b’ 671 vot favur, 3 kontra u 14-il astensjoni.

 

·       Is-sospensjoni temporanja tar-regoli tal-UE dwar is-slots fl-ajruporti. Dan ser jagħmel li l-kumpaniji tal-ajru ma jibqgħux joperaw titjiriet vojta matul il-pandemija. Is-sospensjoni temporanja tfisser li l-kumpaniji tal-ajru ma jkunux obbligati jużaw is-slots allokati lilhom biex iżommuhom fl-istaġun li jmiss. Din is-sospensjoni tibda tapplika fid-29 ta’ Marzu u tintemm fl-24 ta’ Ottubru 2020. Il-proposta ġiet adottata b’ 686 vot favur, ebda vot kontra u 2 astensjonijiet.