Din hija mistoqsija pertinenti għal dawk li għadhom jivvjaġġaw biex imorru għax-xogħol, biex jixtru l-ikel jew biex iżuru persuni vulnerabbli. Wieħed kif jista’ jdur minn post għal ieħor mingħajr ma jiġi infettat jew iferrex il-Coronavirus? Iċ-ċikliżmu jista’ jkun it-tweġiba. 

It-trasport pubbliku sar riskjuż. L-esperti tas-saħħa jagħtu l-parir sabiex wieħed joqgħod xi sitt piedi ‘l bogħod minn persuna oħra sabiex l-imxija tal-infezzjoni tkun minimizzata. Din qed tkun ir-reazzjoni għall-kriżi li qed ngħixu bħalissa, kriżi li tista’ iddum ġimgħat jekk mhux xhur qabel ma jinstab il-vaċċin. 

Ħafna ħaddiema qed jaħdmu mid-dar u biex jaqtgħu mir-rutina (jew mid-dwejjaq) jivvintaw xi qadja bl-iskuża li jieħdu ftit tal-arja. Barra minn hekk, il-paradoss li jqum mill-Coronavirus hu li r-rota toħorġok fit-triq, iġġiegħlek tieħu arja friska f’dan iż-żmien tar-Rebbiegħa u permezz tagħha ma tkunx viċin in-nies.  

Iċ-ċikliżmu huwa mod eċċellenti biex timxi mal-linji gwida tat-tbegħid soċjali – sakemm tkun qed taqdef waħdek. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tħeġġeġ l-eżerċizzju u tisħaq biex min joħroġ għal mixja jew ġirja bir-rota għandu dejjem iżomm id-distanza fiżika filwaqt li jaħsel idejh bl-ilma u s-sapun qabel ma jitlaq, meta jasal fid-destinazzjoni tiegħu u malli jasal id-dar. 

Minflok ixekkel l-użu tar-rota, il-Gvern għandu juża l-kriżi tal-Coronavirus biex jagħmilha faċli għal dak li jkun li jivvjaġġa bir-rota u dan sabiex in-nies jevitaw it-trasport pubbliku (li minnu nnifsu  bħalissa jista’ jmarrad lill-passiġġieri jekk ma jżommux id-distanza). Bin-numru dejjem jiżdied ta’ nies li qed joqogħdu d-dar, it-traffiku f’ħafna bnadi naqasFil-fatt, waħda mid-diversi effetti tal-pandemija hija t-tnaqqis kbir fil-livelli tal-emissjonijiet hekk kif ħafna vetturi qed jitħallew fil-garaxxijiet jew ipparkjati qrib id-dar.  

Allura għaliex ma nagħmlux iċ-ċikliżmu inqas diffiċli? Għaliex m’għandniex nipprojbixxu t-traffiku minn xi toroq u minflok nespandu l-karreġġjati għar-roti? Ma’ kull qadfa, ikollok persuni jżommu d-distanza minn xulxin u fl-istess ħin jibqgħu b’saħħithom bl-eżerċizzju li jkunu qed jagħmlu. Dan biex ma nsemmux li jitbiegħdu minn xi infezzjoni kawżata mill-Coronavirus.