Bużżieqa li tista’ tifqa’ s-suq tax-xogħol
Malta saret aktar minn qatt qabel il-pajjiż ‘tal-opportunitajiet ‘. Il-pajjiż fejn anke jekk m’għandekx ħiliet bażiċi jew m’għandekx motivazzjoni biex tikseb xi tip ta’ kwalifika, hemm xogħol jistennik li jkun imħallas mill-Istat, kemm fis-settur pubbliku jew permezz tal-prattika kumplessa u kultant illoġika ta’ outsourcing . Jekk ikollok ċertu konnessjonijiet u ħbieb tal-ħbieb ikollok vantaġġ.
Id-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem Joe Farrugia reċentement qajjem kontroversja meta sostna li ħaddiema mhux imħarrġa qed jaċċettaw li jonqsu fil-paga basta jieħdu impjieg mal-Gvern. Għalkemm il-Gvern ċaħad dan, l-evidenza tindika mod ieħor. L-impjiegi offruti jvarjaw minn meter reader minkejja l-fatt li l-qari tal-arloġġi sar awtomatizzat, għal parrukkiera mal-ministeru ta’ Għawdex – l-istess entità li xi snin ilu baqgħet tħallas uffiċjali ta’ sigurtà fit-Tieqa tad-Dwejra minkejja li kienet ilha xhur li ġġarrfet!
Dan huwa wkoll iż-żmien li jibdew jingħataw il-promozzjonijiet bil-bosta, kif kien il-każ tal-armata lejliet l-elezzjoni ġenerali tal-2017.
Il-kampanja għall-voti tinkludi wkoll impjiegi i fuq il-kotba tal-Gvern permezz tal-prattika li jkunu outsourced ċerti servizzi importanti ipprovduti mill-Istat. Taħt dan il-mudell l-impjegati jaħdmu fi ħdan entitajiet statali iżda jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-kuntrattur privat magħżul mill-Gvern biex jagħti dan is-servizz. Din il-prassi saret popolari b’mod speċjali fl-immaniġġjar tal-iskart, is-sigurtà, it-tindif u sa ċertu punt xogħol klerikali. Il-mudell sar popolari minħabba li l-Gvern qed iqassam l-impjiegi, mingħajr ma uffiċjalment ikabbar is-settur pubbliku, minħabba li l-impjegati mhumiex fuq il-kotba tiegħu għalkemm qed iħallashom permezz tal-kuntrattur. Għalhekk, qiegħed jevita li jkollu l-problemi ma’ Brussell waqt li jibqa’ jinsisti li s-servizz pubbliku mhux qed jintuża biex jitqassmu l-impjiegi.
Jekk l-ebda waħda minn dawn ir-rotot ma hija disponibbli, għad hemm l-għażla li tidħol impjegat permezz tal-Community Workers Scheme – proġett iffinanzjat mill-UE li suppost jgħin lil dawk li ilhom żmien twil jirreġistraw biex jiksbu l-ħiliet meħtieġa u jsibu xogħol aħjar. Sfortunatament, flok skema biex tingħata l-qasba u titgħallem tistad, din saret mezz kif jitqassam il-ħut.
Aktar inkwetanti huwa li xi wħud qed jagħżlu li jħallu l-impjieg full-time fis-settur privat biex u jkunu ngaġġati b’din l-iskema, anke akkost li jsofru tnaqqis fil-paga. Żgur, li xi ħaġa ħażina hemm għax dan kollu ma jagħmilx sens. Jista’ jkun li impjiegi ta’ produttività baxxa bħal dawn jagħmluha possibbli li taqla’ l-paga minima bl-inqas sforz filwaqt li jkollok ‘opportunità’ biex tagħmlu xi xogħol part-time? Fis-settur privat min iħaddem jinsabu f’sitwazzjoni li ma jistgħux isibu ħaddiema Maltin, minkejja li joffru salarji deċenti. Huma jħossu li fil-forma attwali l-iskema qiegħda tolqot ħażin is-suq tax-xogħol minħabba li jinsabu żvantaġġati. Dan is-sentiment qed jasal ukoll għand il-UĦM Voice of the Workers. Fil-fabbriki il-lantijiet tax-xogħol qed jibqgħu vojta.
Din is-sitwazzjoni qed toħloq bużżieqa fis-suq tax-xogħol. L-ebda ekonomija ma tista’ ssostni ħlasijiet mit-taxxi tal-poplu biex isostnu xogħlijiet mhux produttivi. Xi darba l-kaxxa ta’ Malta se tiżvojta. Min se jerfa’ r-responsabbiltà meta jiġri dan?
Il-UĦM ilha tinsisti biex din l-iskema tkun amministrata minn Jobs Plus direttament u tiffoka esklussivament fuq it-taħriġ u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema. Dan iħalli wkoll aktar flus fil-bwiet tal-istess ħaddiema minħabba li ma titħallas l-ebda kummissjoni lill-operatur tal-iskema. Barra minn hekk, ma jagħmilx sens li jiġu outsourced servizzi tal-Gvern ewlenin. Tali prattika għandha tiġi adottata biss meta tagħmel sens operattiv. Għalissa, madankollu, il-kunsiderazzjonijiet ewlenin jidhru li huma dawk politiċi.