Brexit: L-Ewro Parlamentari huma mħassba dwar il-proċess ta’ reġistrazzjoni taċ-ċittadini Ewropej
Ewro Parlamentari bagħtu ittra lis-Segretarju tal-Istat Ingliż fejn qajmu tħassib dwar is-sistema tal-applikazzjonijiet fuq l-internet sabiex ikunu rreġistrati 3.5 miljun ċittadin tal-UE li jgħixu fir-Renju Unit wara l-Brexit.
L-Isteering Group tal-Parlament Ewropew dwar il-Brexit u Ewro Parlamentari minn ħames kumitati responsabbli mid-drittijiet taċ-ċittadini ltaqgħu ma rappreżentanti tal-Home Office Ingliż fil-jiem li għaddew.
Fl-ittra lil Sajid Javid, is-Segretarju tal-Istat tal-Home Office il-membri ssuġġerew li attenzjoni partikulari għandha tingħata lil gruppi vulnerabbli. Huma jirrakkomandaw li ċ-ċittadini għandhom ikunu kapaċi jirreġistraw bil-miktub u li għandu jkun hemm qafas ta’ kuntatti madwar il-pajjiż fejn il-apassaporti jistgħu jiġu skennjati f’ambjent sikur.
L-Ewro Parlamentari jirrakkomandaw li ċ-ċittadini kollha għandhom ikunu kapaċi jaċċessaw is-sistema tal-applikazzjoni, inkluż l-iskennjar tal-Identita’ (għal passaporti ta’ ċittadini anzjani, tfal li jeħtieġu passaporti bijometriċi, u dawk li jużaw is-sistema operattiva IOS). Il-proċedura għandha tevita passaporti milli jintbagħtu bil-posta. Għandha tinkludi għażla biex ikunu rreġistrati membri tal-istess familja flimkien f’formola waħda. L-Ewro Parlamentari żiedu li konformita’ sħiħa mar-regolamenti Ewropej dwar il-protezzjoni tad-data għandha tkun assigurata.