Il-MPE u l-gvernijiet nazzjonali laħqu ftehim biex tiġġedded il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ażil u l-migrazzjoni.

In-negozjaturi tal-Parlament u tal-Kunsill qablu dwar il-forma finali ta’ ħames regolamenti separati tal-UE, li jistabbilixxu kif għandha tinqasam il-ġestjoni tal-flussi tal-ażil u tal-migrazzjoni fost l-istati membri u x’għandu jsir f’każijiet ta’ kriżi migratorja f’daqqa. Ir-regoli jindirizzaw  ukoll kif jiġu ttrattati n-nies li jaslu fil-fruntieri esterni tal-UE, l-ipproċessar tat-talbiet għall-ażil, u l-identifikazzjoni ta’ dawk li jaslu.

Wara l-ftehim, il-President tal-PE Roberta Metsola qalet: “”Illum huwa jum tassew storiku, hekk kif wettaqna l-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, possibbilment l-aktar pakkett leġiżlattiv importanti ta’ dan il-mandat.

L-Ewropa issa se tikseb qafas leġiżlattiv robust li huwa l-istess fl-Istati Membri kollha. Li jiffunzjona u li jipproteġi, approċċ li huwa uman u ġust ma’ dawk li jfittxu l-protezzjoni, li huwa sod ma’ dawk li mhumiex eliġibbli, u li jkun b’saħħtu ma’ dawk li jisfruttaw l-aktar vulnerabbli.

Il-migrazzjoni kienet it-tħassib ewlieni mqajjem miċ-ċittadini madwar l-Unjoni fl-elezzjonijiet 2019. It-twettiq ta’ dan il-pakkett qabel tmiem is-sena huwa suċċess kbir qabel il-bidu ta’ sena elettorali fl-Ewropa.”

Ir-regolament il-ġdid tal-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni jipprevedi solidarjetà obbligatorja għall-pajjiżi tal-UE rikonoxxuti bħala taħt pressjoni migratorja, li jippermetti lil stati membri oħra jagħżlu bejn ir-rilokazzjoni tal-applikanti tal-ażil fit-territorju tagħhom u li jagħmlu kontribuzzjonijiet finanzjarji. It-test jiddetermina wkoll kriterji ġodda li skonthom stat membru huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali (ex-regoli ta’ Dublin).

Biex iwieġeb għal żidiet f’daqqa fil-wasliet, ir-regolament dwar il-kriżi u l-forza maġġuri jistabbilixxi mekkaniżmu li jiżgura s-solidarjetà u miżuri ta’ appoġġ lill-istati membri li qed jiffaċċjaw influss eċċezzjonali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jwassal għall-kollass tas-sistema nazzjonali tal-ażil. Ir-regoli jkopru wkoll l-istrumentalizzazzjoni tal-immigranti, jiġifieri meta l-immigranti jintużaw minn pajjiżi terzi jew atturi mhux statali ostili biex jiddestabilizzaw l-UE, u jipprevedu deroga temporanja possibbli mill-proċeduri standard tal-ażil.

Skont ir-regolament il-ġdid, in-nies li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet biex jidħlu fl-UE se jkunu soġġetti għal proċedura ta’ screening ta’ qabel id-dħul, inkluża identifikazzjoni, ġbir ta’ data bijometrika, kontrolli tas-saħħa u tas-sigurtà, sa sebat ijiem. Se jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi tat-tfal u kull stat membru se jkollu mekkaniżmu ta’ monitoraġġ indipendenti biex jiżgura r-rispett tad-drittijiet fundamentali.

Min-naħa tiegħu, ir-regolament dwar il-proċeduri tal-ażil jistabbilixxi proċedura komuni madwar l-UE biex tingħata u tiġi rtirata protezzjoni internazzjonali, li tissostitwixxi diversi proċeduri nazzjonali. L-ipproċessar tat-talbiet għall-ażil għandu jkun aktar mgħaġġel – sa sitt xhur għall-ewwel deċiżjoni – b’limiti iqsar għal talbiet manifestament infondati jew inammissibbli u fil-fruntieri tal-UE.

Fl-aħħar nett, ir-riforma tal-Eurodac għandha l-għan li tidentifika dawk li jaslu fit-territorju tal-UE b’mod aktar effettiv, billi żżid immaġini tal-wiċċ mal-marki tas-swaba’, inkluż għal tfal minn sitt snin. L-awtoritajiet ikunu jistgħu jirreġistraw jekk xi ħadd jistax jippreżenta theddida għas-sigurtà, jekk il-persuna tkun vjolenti jew armata illegalment. Aktar dettalji dwar dan it-test jistgħu jinstabu hawn (dalwaqt disponibbli).

Il-passi li jmiss

Il-ftehim provviżorju jeħtieġ li jiġi adottat formalment mill-Parlament u l-Kunsill qabel ma jkun jista’ jsir liġi. Il-koleġiżlaturi impenjaw ruħhom li jadottaw ir-riforma tar-regoli tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-ażil qabel l-elezzjonijiet Ewropej ta’ din is-sena.