X’nistennew din is-sena
Hekk kif ninsabu fil-bidu tal-2024, għadd ta’ sfidi qed ifeġġu fuq l-orizzont ekonomiku, li jitolbu attenzjoni u miżuri proattivi minn dawk li jfasslu l-politika. Il-mistoqsija hi dwar x’se jkunu l-ikbar sorsi ta’ theddid għall-ekonomija Maltija.
Tħassib maġġuri jibqa’ l-għoli tal-ħajja u l-mod li dan qed idgħajjef is-saħħa tal-pagi u l-kwalità tal-għajxien tal-ħaddiema. Iż-żieda riċenti fil-prezzijiet tal-ħalib ma tawgura tajjeb xejn.
It-tieni nett, is-sitwazzjoni fil-Port Ħieles ta’ Malta żgur li se tkun taħt il-lenti fid-dawl tal-emissions trading scheme bħala parti mill-pakkett Fit For 55. Il-kuxjenza ambjentali u l-interessi ekonomiċi, għandhom ikunu f’bilanċ ma’ xulxin. L-indirizzar ta’ din l-isfida jeħtieġ ippjanar strateġiku li jallinja l-attivitajiet ekonomiċi ma’ prattiki sostenibbli, li jħarsu kemm l-ambjent kif ukoll l-ekonomija. It-tama hi li f’dan l-istadju mhux tard wisq biex isir xi ħaġa, għax wara kollox din id-direttiva daħlet fis-seħħ bil-kunsens ta’ Malta.
It-tielet kwistjoni tirrigwarda l-armonizzazzjoni tat-taxxa madwar l-Unjoni Ewropea. Din toħloq sfida, li tolqot direttament l-attrazzjoni ta’ Malta għall-investiment barrani. Il- bilanċ delikat bejn iż-żamma mal-istandards tal-UE u ż-żamma ta’ vantaġġ kompetittiv jeħtieġ ħiliet fuq livell diplomatiku u tfassil ta’ politika ekonomika għaqlija. Il-preservazzjoni tal-attrazzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni tal-investiment tiddependi fuq l-adattament għal dawn il-fatturi li qed jinbidlu filwaqt li jitħarsu l-vantaġġi ekonomiċi uniċi tagħna.
Fis-suq tax-xogħol ukoll hemm tħassib ewlieni minħabba li qed jinħass nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa fil-livelli kollha. Dan in-nuqqas jipperikola l-kapaċità li Malta li tattira investiment barrani, li tradizzjonalment jiddependi fuq bażi robusta ta’ riżorsi umani. Il-gvern għandu jimbarka fuq inizjattivi strateġiċi biex jindirizza dan in-nuqqas fil-ħiliet, u jiżgura forza tax-xogħol li tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ ekonomija globali li qed tevolvi malajr.
Sfida oħra hi l-prassi dejjem tikber ta’ xi impjegati li ma jkunux fuq il-kotba tas-sid tal-istabbiliment jew il-kumpanija fejn jaħdmu. Din qed li toħloq inugwaljanza jekk mhux diskriminazzjoni. Barra minn hekk dan qed idgħajjef is-saħħa tan-negozjar kollettiv. Hemm bżonn ta’ tibdil fil-liġi biex ikun żgurat li l-kundizzjonijiet fl-istess post tax-xogħol għal dawk li jagħmlu xogħol identiku jkunu uniformi. B’hekk inkunu verament qed nindirizzaw dan it-tip ta’ sfruttament.
Fuq livell globali, l-impatt tal-intelliġenza artifiċjali joħroġ bħala kwistjoni sinifikanti, li titlob pjan ta’ azzjoni biex il-ħaddiema li f’riskju li jitilfu x-xogħol jakkwistaw ħiliet ġodda. Fl-istess ħin, kwistjonijiet ġeopolitiċi bħall-gwerra fl-Ukrajna u t-taqlib fil-Lvant Nofsani jolqtu ħażin l-istabbiltà ekonomika ta’ Malta, partikolarment dwar il-kontroll tal-inflazzjoni.
Il-mod kif se nindirizzaw dawn l-isfidi se jiddeterminaw it-triq li se naqbdu din is-sena Hu mportant li l-gvern ikollu pjan dwar kif se jindirizza l-sfidi tas-suq tax-xogħol kemm fl-immedjat kif ukoll fuq medda twila ta’ żmien. Jeħtieġ ukoll pakkett ta’ inċentivi biex ikunu premjati biss investituri li verament jagħtu tal-kontribut għat-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema u għat-trawwim ta’ produzzjoni ta’ valur ogħla.
Din is-sena aktar minn qatt qabel, azzjonijiet strateġiċi u deċiżivi huma kruċjali biex tiġi żgurata ekonomija reżiljenti u b’saħħitha għas-snin li ġejjin.