Ir-riċiklaġġ, il-multilingwiżmu, is-saltna tad-dritt u spinta għal Ewropa Federali kienu fost il-proposti ewlenin maqbula mill-10,000 parteċipant żagħżugħ.

L-avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ (EYE2021) sar fit-8–9 ta’ Ottubru, b’5,000 żagħżugħ u żagħżugħa fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu u 5,000 oħra online, biex jiddiskutu aktar minn 2,000 idea għat-tiswir tal-futur tal-Ewropa.

Hawnhekk issib aktar fatti u ċifri dwar l-EYE2021


Il-proċess ta’ konsultazzjoni taż-żgħażagħ għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa beda f’Mejju 2021, f’kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ pan-Ewropej, u ġabar aktar minn 2,000 idea dwar il-futur tal-Ewropa permezz tal-pjattaforma online Youthideas.eu.

Fost il-proposti diskussi, il-parteċipanti tal-EYE2021 ressqu ideat konkreti biex ir-riċiklaġġ isir aktar faċli madwar l-UE, biex l-hekk imsejħa proċedura tal- “Artikolu 7”, il-protezzjoni tal-valuri tal-UE, tkun aktar effettiva, u jappellaw għar-riforma tat-tagħlim tal-lingwi fl-iskejjel biex jiġi promoss il-multilingwiżmu. Minħabba t-tibdil fil-klima, il-COVID-19 u t-tħassib dwar is-sigurtà internazzjonali bħala sfidi sinifikanti għall-UE, tressqu proposti għal Ewropa aktar federali, flimkien ma’ ideat biex il-kumpaniji jinżammu aktar responsabbli għall-kontribuzzjonijiet tagħhom għat-tibdil fil-klima.

L-aktar 20 idea popolari mill-EYE2021 se jiġu ppreżentati minn żewġ parteċipanti żgħażagħ fil-plenarja li jmiss tal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, li se ssir fi Strasburgu fit-22–23 ta’ Ottubru 2021.