Att ta’ żlealtà kontra n-negozjar kollettiv u d-djalogu soċjali
Il-UHM Voice of the Workers tikkundanna l-mod li bih intefgħet ’il barra mill-ogħla istituzzjoni demokratika tal-pajjiż, il-Kamra tad-Deputati, wara li kienet mexxiet b’suċċess in-negozjati dwar ftehim kollettiv ġdid.
Jirriżulta li wara xhur ta’ negozjati fit-tul li matulhom il-GWU qagħdet idha fuq żaqqa bix-xogħol kollu tagħmlu l-UHM, il-GWU għal xi raġuni u mingħajr ebda twissija talbet ir-rikonoxximent uniku hekk kif il-ftehim kien se jiġi approvat.
Din il-mossa li ħasdet lil kulħadd u qanqlet suspetti dwar motivi ulterjuri, saret meta l-Oppożizzjoni kienet qed tagħmel pressjoni għar-riżenja tal-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia, li hu wkoll il-kap tal-istaff parlamentari. Dan minkejja li l-UHM Voice of the Workers ma kellha x’taqsam xejn ma’ din it-tilwima politika.
Il-Kap Eżekuttiv tal-UHM Josef Vella qal li ċirkustanzi bħal dawn jirrendu l-proċess ta’ verifika li skatta wara t-talba tal-GWU bħala wieħed “ivvizzjat” u konsegwentement ma kinitx se tieħu sehem. Dan is-sentiment twassal f’email mibgħuta lis-Segretarju Permanenti Ewlieni, lill-Ispeaker u lid-Direttur tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjiegi.
Vella qal li l-mossa kienet maħsuba biss biex telimina l-UHM milli tkun firmatarja fi ftehim li suppost diġà kien konkluż.
“L-union ikkontribwiet immens għall-proċess tan-negozjar kollettiv, liema proċess twaqqaf bla bżonn sakemm tingħata l-approvazzjoni finali. Dejjem fhimt li meta nqisu l-istima li jgawdi l-parlament bħala post tax-xogħol, tali battibekki partiġġjani bejn il-unions iridu jiġu evitati. Ir-rispett li wriet din il-union kemm lejn il-parlament bħala istituzzjoni kif ukoll lejn post tax-xogħol mhux qed jiġi reċiprokat,” qal Vella.
“Fid-dawl ta’ dan huwa ċar li l-proċess biex jiġi vverifikat liema union għandha tingħata rikonoxximent uniku huwa vvizzjat bl-iskop uniku li azzjoni bħal din tkun sfida li nittama li ma tkunx att ta’ tpattija fuq l-azzjonijiet ta’ terzi. Ħadd m’għandu jirrikorri għal tali tattiċi li jelimina waħda miż-żewġ unions fi proċess ta’ negozjar konġunt lejlet l-iffirmar ta’ ftehim fejn il-kontribut tal-UHM kien kruċjali,” żied jgħid il-Kap Eżekuttiv tal-UHM.
Konsegwentement, il-union ma ħaditx sehem fl-eżerċizzju ta’ verifika.
“Il-UHM ma tistax tipparteċipa fi proċess bħal dan meta suppost kien imissna qed nibagħtu stedina għaċ-ċerimonja tal-iffirmar. Dawn il-manuvri huma intenzjonat biss li jtawwlu l-proċess biex l-istaff tal-Parlament igawdu minn dan il-ftehim kollettiv. Ninsab diżappuntat li din l-esperjenza negattiva għad-djalogu soċjali qed iseħħ fi ħdan waħda mill-ogħla awtoritajiet ta’ pajjiżna,” Vella sostna.
Sakemm inkiteb dan l-artiklu ma kien hemm l-ebda reazzjoni mis-Segretarju Permanenti Ewlieni, l-Ispeaker jew mid-Direttur għall-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali.
Skont il-ftehim innegozjat mill-UHM, l-impjegati fil-Kamra tad-Deputati se jibbenefikaw minn żieda fil-pagi ta’ 12%. Barra minn hekk, il-UHM kienet ħadmet waħedha fuq il-klawżola tas-sigħat tax-xogħol u tas-sahra, l-istruttura tal-gradi u ż-żidiet fis-salarji.
Matul in-negozjati, il-GWU qatt ma ppreżentat xi proposti lill-UHM tant li l-ideat tal-UHM kienu dawk li fuqhom saru t-taħditiet mal-management, fejn din il-union sabet l-appoġġ tal-GWU.
Minkejja l-ilmenti tal-UHM li l-proċess ta’ verifika kien “ivvizzjat” dan sar xorta waħda, bil-GWU tikseb l-appoġġ ta’ 57%.
Fid-dawl ta’ dan, il-UHM se tkun kostretta tieħu pożizzjoni aktar iebsa. Minn issa ’l quddiem se tieħu sehem biss f’negozjati konġunti sakemm l-unjins l-oħra jaqblu li ma jfittxux rikonoxximent waqt li t-taħditiet ikunu għadhom miftuħa.