Aktar proprjeta’ affordabbli għal kulħadd
Taħsbu li l-mudell ekonomiku, li bħalissa qed jitħaddem f’pajjiżna speċjalment fis-suq tal-proprjeta’, huwa tajjeb?
Jidher li mis-settur tal-proprjeta’, proporzjon mis-soċjeta’ Maltija qed tara kif se tagħmel l-aktar flus possibbli. Għaliex? Qed naraw realta’ ta’ influss kbir ta’ barranin li qed jiġu Malta għal diversi raġunijiet, l-aktar għal skopijiet ta’ xogħol fuq kull livell. Insemmu fis-servizzi finanzjarji, fl-iGaming, fil-kostruzzjoni, fil-catering u fil-kura. Permezz tal-kiri jew il-bejgħ tal-proprjeta’, is-sidien tal-appartamenti qed jippumpjaw il-flus grazzi għal dan il-fenomenu ta’ ħaddiema barranin.
Ċertu kummentaturi ekonomiċi jsostnu li dan hu sinjal tajjeb għax skonthom l-ekonomija qed tikber. Imma meta nitkellmu fuq policies, l-istat irid ikun ferm aktar konxju tal-konsegwenzi fl-andament ta’ ċertu politika. Wieħed irid jara kif il-policies qed jolqtu lin-nies. Għalhekk l-ekonomija ma tridx twassal għar-regħba imma jrid ikun hemm il-moralita’ fiha nnifisha.
Kien hemm idea fil-passat li jekk irridu nraħħsu l-proprjeta’ fil-pajjiż, ngħollu aktar sulari fil-binjiet. Issa hemm ix-xejra biex jinbnew units aktar żgħar għax il-prezz tal-proprjeta’ għola. Hawnhekk mal-ewwel toħroġ l-ispekulazzjoni. Il-Gvern suppost irid jara x’jagħmel f’tali sitwazzjoni nkella ngħixu f’ġungla fejn kulħadd jagħmel li jrid. Min hu tajjeb ikompli sejjer tajjeb u min hu ħażin jibqa’ sejjer lura. Il-Gvern jirrikonoxxi li għandu responsabbilta’ imma forsi mhux qed japprezza biżżejjed id-diffikultajiet.
Rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali jgħid li l-akkomodazzjoni affordabbli f’Malta, jekk se tibqa’ għaddejja kif inhi għaddejja, tista’ toħloq kollass fis-settur f’temp ta’ ħames snin oħra. Dan għax il-prezzijiet tal-proprjeta’, bir-rata li qed jogħlew, mhumiex sostenibbli. Minkejja li l-proprjeta’ għoliet fuq numru ta’ snin, ikun hemm mumenti fejn il-prezz jgħola u jinżel. Il-problema hi li matul dawn l-aħħar sentejn il-prezz tal-proprjeta’ sploda ‘l fuq, saħansitra b’żieda ta’ bejn 30 u 50 fil-mija.
Din ir-realta’ qed twassal għal ċirkustanzi fejn il-pagi mhumiex qed ilaħħqu ma’ dawn it-tip ta’ żidiet. Issa hawn min, speċjalment il-barranin, li qed jixtru proprjeta’ għolja fil-prezz imma min qed ifittex akkomodazzjoni affordabbli jew min jinsab f’livell ta’ faqar qed jitħallew b’xejn. Dan b’riskju li jinħolqu persuni foqra ġodda. Għaldaqstant il-Gvern irid iqum fuq saqajh u jindirizza s-sitwazzjoni llum qabel għada.