Aktar negozji jgħollu l-prezzijiet għax jgħidu li għolew l-affarijiet minn barra
Aktar negozji żiedu l-prezzijiet tal-prodotti fl-aħħar tliet xhur tal-2021 għax qalu li kellhom żidiet fl-ispejjeż biex iġibu l-affarijiet minn barra l-pajjiż. Dan intqal fi stħarriġ ta’ kull tliet xhur maħruġ mill-Bank Ċentrali. Din ix-xejra kompliet tqanqal tħassib dwar l-għoli tal-ħajja li ħadet rankatura qawwija ’il fuq mill-bidu tal-pandemija tal-Covid-19 u li jidher li se tkompli f’din id-direzzjoni.
Jirriżulta li bejn Ottubru u Diċembru tas-sena li għaddiet kważi nofs in-negozji (47%) irrappurtaw żidiet fil-prezzijiet tal-bejgħ, meta mqabbel ma’ 39% fil-kwart ta’ qabel (Lulju-Settembru). Min-naħa l-oħra, 6% biss irrappurtaw tnaqqis fil-prezzijiet tal-bejgħ, li kien inqas miċ-ċifra rispettiva tat-tliet xhur ta’ qabel li kienet ta’ 13%.
Fir-rapport tiegħu l-Bank Ċentrali jinnota li l-prezzijiet qed jiżdiedu minħabba l-effetti ikkawżati mill-ispejjeż tal-materja prima minn barra. Analiżi mill-qrib turi li n-negozji qed jirrappurtaw spejjeż ogħla fil-ġarr tal-merkanzija, fil-prezzijiet ta’ prodotti u materja prima minn barra bħal ikel, karta, ippakkjar, plastik, elettronika, injam, ħadid, ram u azzar. Min-naħa tagħhom dawn kellhom impatt fuq 90% tan-negozji fl-industrija tal-manifattura u 78% ta’ dawk bl-ingrossa u bl-imnut.
Dawn iċ-ċirkostanzi wasslu biex fornituri barra minn Malta jirrifjutaw li jidħlu fi ftehim ta’ provvista fit-tul ma’ importaturi Maltin u qed idaħħlu klawsoli li bihom il-prezzijiet ikunu jistgħu ivarjaw ta’ spiss. Mill-perspettiva tal-konsumatur, dan qed ifisser li f’każ li ssir ordni meta jispiċċa l-istokk eżistenti, il-prezz jogħla. Fid-dawl ta’ dan, in-negozji qed jirrappurtaw ħafna inċertezza f’termini ta’ bbaġitjar, produzzjoni, ippjanar, u ż-żmien ta’ kemm ikollhom jistennew il-klijenti għax-xogħol minn barra.
Skont il-Bank Ċentrali, ir-raġunijiet wara d-dewmien ġejjin minn diversi fatturi internazzjonali, bħal żieda fid-domanda, xogħol b’lura fil-portijiet, nuqqas ta’ kontejners, restrizzjonijiet tal-mobbiltà relatati mal-pandemija u kompetizzjoni baxxa fl-industrija tat-tbaħħir globali. Għalkemm xi negozji ppruvaw itaffu din il-problema billi ordnaw kwantitajiet akbar, dan ġab l-iżvantaġġ li jkollhom bżonn faċilitajiet ta’ ħażna akbar minbarra li jiltaqgħu ma’ problemi ta’ cashflow.
X’kien l-effett ta’ Brexit?
Fl-analiżi tiegħu l-Bank Ċentrali iffoka wkoll fuq l-impatt tal-Brexit fuq in-negozji Maltin permezz ta’ stħarriġ pilota li sar f’Novembru li għadda. Għalkemm ir-riżultati għandhom jiġu ttrattati b’kawtela peress li 17-il kumpanija biss wieġbu minn 31 ikkuntattjati, ir-riżultat xorta huma indikattivi u jidher li jikkonfermaw ċertu tħassib.
Ir-riżultati juru li kważi nofshom ma ġewx affettwati, iżda 41% qalu li kellhom effett negattiv, filwaqt li għal 12% l-impatt kien negattiv ħafna. Kif mistenni, l-aktar aspetti li qanqlu tħassib kienu ż-żieda fl-ispejjeż u r-regolamenti u dewmien biex jirċievu l-ordnijiet minn barra.
Ħafna minn dawn id-ditti irrappurtaw żidiet sa xahrejn biex jirċievu x-xogħol iżda kien hemm min qal li kellu dewmien itwal minħabba Brexit. Maġġoranza qawwija ta’ dawk milquta mill-Brexit iddikjaraw li l-prodotti u materjal mir-Renju Unit sar iktar ristrett. Skont dan l-istħarriġ, madwar terz qalu li naqqsu l-importazzjoni mir-Renju, iżda ħadd ma rrapporta tnaqqis fl-esportazzjoni filwaqt li numru żgħir irreġistraw esportazzjoni ogħla lejn ir-Renju Unit. Sejba oħra interessanti minn dan l-istħarriġ pilota hija li 29% tal-kumpaniji żiedu l-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom minħabba Brexit.
Reazzjoni tal-Gvern
Iż-żieda fil-prezzijiet qanqlet t-tħassib għall-gvern minħabba sinjali li din it-tendenza tista’ tippersisti għal xhur jekk mhux snin. Bħala miżura fl-immedjat il-gvern dan l-aħħar ħareġ €70 miljun f’injezzjonijiet ta’ flus fil-forma ta’ rifużjoni tat-taxxa u ċekkijiet. Fuq medda twila ta’ żmien, il-gvern ħabbar il-pjan tiegħu li jistabbilixxi mekkaniżmu ġdid biex jappoġġja persuni bi dħul baxx minbarra ż-żieda tal-għoli tal-ħajja li tingħata b’mod ġenerali irrispettivament mid-dħul. Dan il-mekkaniżmu ġdid jitħaddem jekk l-inflazzjoni taqbeż ċertu limitu. It-taħditiet mal-imsieħba soċjali għadhom kemm bdew u għadha ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni. Il-UHM Voice of the Workers tinsab fil-proċess li tfassal il-pożizzjoni tagħha.