Il-programm Erasmus+ huwa l-istrument ta’ finanzjament ewlieni tal-UE fil-qasam taż-żgħażagħ, li jappoġġa interventi differenti fil-qasam taż-żgħażagħ, inklużi proġetti fil-ħajja demokratika fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE.

Jistgħu jiġu appoġġati attivitajiet differenti taħt proġetti bħal dawn, inklużi dibattiti, attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u workshops. Attivitajiet maħsuba biex jikkonsultaw liż-żgħażagħ dwar kwistjonijiet ta’ politika li jolqtuhom direttament huma mħeġġa bil-qawwa u jistgħu jieħdu forom differenti, bħal vox-pops, focus groups jew stħarriġ online.

L-involviment dirett taż-żgħażagħ fl-iżvilupp tal-attivitajiet tal-proġett kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-proġett huwa fattur importanti ta’ din l-opportunità ta’ finanzjament. Għal dan il-għan, applikazzjonijiet jistgħu jiġu sottomessi wkoll minn gruppi informali ta’ żgħażagħ.

Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) jistgħu jipprovdu appoġġ mal-proċess tal-applikazzjoni, inkluża assistenza fit-tlestija tal-formoli tal-applikazzjoni għall-finanzjament tal-UE. Tista’ tiġi pprovduta wkoll gwida waqt l-implimentazzjoni tal-proġett għal servizz olistiku maħsub biex jagħmel il-finanzjament tal-UE aktar aċċessibbli għall-entitajiet lokali.

Għal aktar informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE u servizzi tal-SEM jekk jogħġbok ikkuntattja lill-SEM fuq 2200 3300, info.sem@gov.mt jew billi żżur sem.gov.mt.