56 sena ta’ ħidma awtonoma
F’dawn il-jiem il-UHM Voice of the Workers qed tfakkar is-56 anniversarju mit-twaqqif tagħha bl-inawgurazzjoni tal-proġett ta’ rinnovar tal-kwartieri ġenerali fi Triq San Tumas fil-Floriana. Lil hinn minn dawn iċ-ċelebrazzjonijiet kbar u mistħoqqha tajjeb li ssir riflessjoni dwar ir-rwol tat-trade unions fid-dinja tal-lum u l-mod kif iridu jwieġbu għal realtà dejjem tinbidel.
Aspett kruċjali biex union tal-ħaddiema ma tkunx imxekkla fil-missjoni tagħha u biex verament ma tħares lejn wiċċ ħadd fil-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema hi l-awtonomija.
Dan ma jfissirx li union tkun indifferenti, jew li ma taħdimx mal-partiti politiċi, li ma semmax leħinha u jew li ma tesprimix il-pożizzjoni tagħha. Union serja ma tistax toqgħod gallarija biex tingħoġob ma’ kulħadd. Li tkun awtonomu tfisser li l-ewwel u qabel kollox tifhem u tħaddan il-missjoni tiegħek u li taġixxi dejjem fl-interess ta’ dik il-missjoni fejn l-uniku eċċezzjoni jkun l-interess nazzjonali u xejn iżjed. Jfisser li tpoġġi fis-salott tal-partijiet soċjali u l-partiti politiċi iżda żżomm ċertu distanza biex ma tispiċċax fil-kamra tas-sodda magħhom.
Importanti wkoll li union serja tkun awtonoma fil-ħsieb u fil-finanzjament tagħha. Jekk union titlef l-awtonomija f’waħda minn dawn l-aspetti tfisser li tiddependi minn ħaddieħor. Biex taħdem b’dan il-mod mhux faċli għax jiġu mumenti fejn ma tkunx popolari, tħossok waħdek u jkollok tibqa’ taħdem għal dak li temmen fih anke jekk bi sfidi kbar.
Element importanti ieħor tal-ħidma tagħna hi d-demokrazija industrijali. Il-UHM tħaddan dan il-prinċipju bil-fatti tant li marbutin bl-istatut li dak li ninnegozjaw għal ħaddiema irid ikun approvat minnhom permezz ta’ vot. Għalhekk hu ta’ dispjaċir meta xi drabi jkollok ħaddiema li ma japprezzawx dan l-aspett għax id-demokrazija hi bħall-ossiġenu li tkun taf kemm hu importanti meta jonqos. Importanti li l-ħaddiema jibqgħu konxji ta’ dan kollu u japprezzaw il-valur tad-demokrazija industrijali. Il-ħaddiema jridu jagħmlu l-parti tagħhom u jkunu parteċipi f’din il-ħidma għax hu dritt tagħhom li dak li nkiseb minn ta’ qabilna ma narmuhx mar-riħ.
Id-demokrazija industrijali tfisser ukoll li ma nħarsux lejn il-ħidma tal-union minn lenti partiġjana. Filwaqt li kulħadd għandu dritt għall-għażla politika tiegħu, importanti li bejn elezzjoni u oħra l-ħaddiem jieħu ħsieb il-ħobża tiegħu irrispettivament mit-twemmin politiku li jħaddan. Id-demokrazija industrijali tfisser li kull ħaddiem għandu jissieħeb fil-union tal-għażla tiegħu mingħajr biżgħa jew favuri.
Fl-istorja tagħha din il-union dejjem imxiet b’responsabbiltà industrijali kemm f’ħidmietha u kemm fil-proposti tagħha. Propju f’dawn il-jiem ħriġna bil-proposta tal-aġġustament tal-COLA fejn jidħlu ftehimiet li jinkludu ż-żidiet għall-għoli tal-ħajja. Dan faċilment seta’ kien mument li jġib miegħu tensjoni soċjali fil-pajjiż. Iżda l-UHM studjat is-sitwazzjoni u ħarġet b’soluzzjoni u qasmitha mal-unions l-oħra biex tisma’ l-pożizzjoni tagħhom u meta lħaqna qbil fittixna li fuq din inkunu front wieħed għax fl-għaqda hemm is-saħħa. Lil hinn minn x’jista jkun l-eżitu ta’ dan kollu, urejna b’mod ċar ir-responsabbiltà industrijali fil-proposta li għamilna.
Biex din l-union tħaddem l-awtonomija, d-demokrazija u r-responsabbiltà hemm bżonn li kulħadd jiġbed ħabel wieħed. Kif qalu l-mexxeja tal-union passati hemm bżonn ta’ union fuq saqajha iżda qatt għarkubtejha, union lesta li sservi iżda mhux tisserva u union li f’mument ta’ sfida tkun katalista għas-soluzzjonijiet. Issa li għandna bini modern u mgħammar sa snienu il-UĦM Voice of the Workers tħares ’il quddiem b’kuraġġ ta’ sur.