Il-Kamra tad-Deputati reċentement immarkat 100 sena ta’ demokrazija parlamentari. Kien nhar it-Tlieta 1 ta’ Novembru, 1921 meta Edward, Prinċep ta’ Wales u eredi tat-tron Ingliż ippresieda ċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni tal-parlament. Kien żvilupp storiku għax fisser l-ewwel Gvern Malti (self-government) kif nafuh illum li ngħata r-responsabbiltajiet kollha ħlief l-affarijiet barranin u kwistjonijiet ta’ difiża.

Matul dawn il-100 sena, id-demokrazija f’Malta kellha t-tlugħ u l-inżul tagħha bħall-jiem mudlama tal-1936 meta s-self-government  ġie revokat u ngħata lura biss fl-1947 meta saret l-ewwel elezzjoni ġenerali ta’ wara l-gwerra. Ħdax-il sena wara, id-demokrazija ta’ Malta reġgħet niżlet fil-limbu, meta l-Ingliżi imponew tmexxija diretta wara l-irvellijiet vjolenti tal-1958 inċitati minn Dom Mintoff. Fl-aħħar, fl-1964, Malta kisbet l-indipendenza u magħha ġiet l-opportunità li jkun hemm parlament awtonomu li kellu ġurisdizzjoni fuq l-aspetti kollha tat-tmexxija.

Sfortunatament, l-uniċi żviluppi sinifikanti li ġraw wara kienu l-inawgurazzjoni tal-bini l-ġdid tal-Parlament fl-2015, u n-numru ta’ Membri Parlamentari li tela’ minn 50 għal 65 jew saħansitra ogħla f’każ li jitħaddem il-mekkaniżmu korrettiv li jiggarantixxi rappreżentanza proporzjonali skont il-voti tal-ewwel għadd fl-elezzjoni ġenerali. Fil-futur qrib nistgħu saħansitra naqbżu t-80 Deputat fid-dawl tal-mekkaniżmu tal-kwota femminili. Fir-rigward tal-bqija, il-membri parlamentari tagħna għadhom part-timers bi ftit riżorsi u xi drabi standards etiċi dubjużi.

Kien ikun aktar xieraq li kieku biex jiġi mfakkar dan iċ-ċentinarju jsir rendikont tas-sitwazzjoni u jittieħdu miżuri kif xieraq. Mhux konċepibbli kif il-parlament tagħna għadu bbażat fuq l-istess mudell li l-Ingliżi kienu fasslu għal waħda mill-kolonji tagħhom. Għaliex għadna mhux qed nikkunsidraw li jkollna deputati full-time li jkunu jistgħu jiddedikaw ħinhom kompletament għat-tfassil tal-liġijiet u nżommu l-eżekuttiv taħt skrutinju? Fil-preżent il-Membri Parlamentari tagħna jridu jsibu kompromess bejn il-professjoni jew ix-xogħol tagħhom u d-dmirijiet parlamentari tagħhom bi ftit li xejn opportunità, ħin u riżorsi biex jagħmlu riċerka u jagħmlu konsultazzjonijiet. Mhux sorpriża li ħafna drabi, id-dibattiti parlamentari jkunu mimlijin kummenti partiġġjani, retorika politika u ftit sustanza. Xi drabi d-dibatittu jkun qed isir biss biex jiġi żgurat li jkun hemm Deputat li biex jimla l-ħin jew għan-naħa tal-Gvern jew tal-Oppożizzjoni. Barra minn hekk, il-Membri Parlamentari huma involuti wkoll fil-kumitati parlamentari li wħud minnhom huma kruċjali biex iżommu il-ħidma tal-gvern taħt skrutinju kontinwu, fosthom il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi.

Il-kwistjoni li jkun hemm Deputati full-time hi marbuta mill-qrib ma’ dik tal-ħlas. Li jkollok Deputati mħallsa tajjeb jagħmilha aktar faċli biex ikunu verament trasparenti fid-dikjarazzjoni tal-assi tagħhom li fil-preżent hija xi ħaġa li hi ftit li xejn ċara, jew dik li bl-Ingliż tissejjaħ grey area. Kull meta Deputat ikun jiddependi minn ħaddieħor biex jitħallas kemm jekk tkun entità Statali jew privata, jew jagħti servizz lil terzi, hemm il-periklu ta’ kunflitt ta’ interess. Minn żmien għal żmien nisimgħu wkoll b’Deputati li jagħmlu dikjarazzjoni tal-assi falza imma fl-aħħar mill-aħħar jingħataw tbeżbiża u xejn iktar.  Jekk imġieba bħal din tibqa’ tippersisti l-unika riperkussjoni reali tista’ tkun li jitilfu s-siġġu tagħhom fil-Kabinett jew li jitkeċċew mill-partit. Madanakollu, mhux se jitilfu s-siġġu parlamentari. Ara li kieku xi ħaddiem jikkommetti aġir bħal dan, tkun storja oħra għax żgur li jitlef xogħlu!

Is-salarji fqar offruti huma wkoll ir-raġuni għaliex il-prattika attwali ta’ Deputati tal-gvern li jmexxu jew ikunu f’bordijiet ta’ entitajiet pubbliċi qed iddgħajjef il-governanza tajba. Kif jista’ Deputat tal-gvern jieħu pożizzjoni soda kontra xi abbuż jekk hemm il-biżgħa li jitlef il-ħobża ta’ kuljum? Il-Malti jgħid la ddardarx l-għajn li trid tixrob minnha!

Fl-aħħar nett, hemm ukoll il-kwistjoni tan-numru ta’ Deputati Parlamentari. Il-kwantità ma tfissirx kwalità. Assolutament. Malta għandha l-ogħla numru ta’ Membri Parlamentari għal kull 100,000 abitant fl-UE b’14, segwita mil-Lussemburgu b’10 u Ċipru b’disgħa. Dan ifisser li l-elettorat ta’ Malta huwa 14-il darba aktar rappreżentat milli fir-Renju Unit. Madankollu, it-tqabbil tal-House of Commons mal-parlament Malti jieqaf hemm.

Għalhekk it-triq ’il quddiem hija li jkun hemm parlament iżgħar, b’Deputati full-time u riżorsi aħjar. Il-pass li jmiss ikun li jitneħħew individwi li l-għan ewlieni tagħhom hu li jidħlu fil-politika għall-gwadann personali jew sempliċiment biex jissodisfaw l-ambizzjoni personali. Imma kif jgħidu, Ruma ma nbnietx f’ġurnata.