Kumpanija li keċċiet impjegat minħabba sensiela ta’ “nuqqasijiet” li wettaq instabet ħatja ta’ tkeċċija inġusta wara li rriżulta li naqset milli tagħtih l-opportunità li jiddefendi lilu nnifsu.

Is-sentenza ngħatat mit-tribunal industrijali f’kawża li kienet infetħet minn Emanuel Cordina, kontra, Zenith Malta Division. Fid-dawl tal-fatt li hu membru tal-UHM Voice of the Workers, hu kien assistit mill-avukat tal-union Dr Andrew Grima u Ramon Francalanza li dak iż-żmien kien il-manager tal-UHM inkarigat minn din it-taqsima.

Fl-24 ta’ Mejju, 2018, l-impjegat kien irċieva ittra li fiha ġie infurmat li kien tkeċċa wara “ksur” fit-termini tal-impjieg tiegħu wara li jumejn qabel kien allegatament telaq mill-post tax-xogħol mingħajr awtorizzazzjoni. Waqt is-smigħ tal-każ, il-kumpanija qalet li qabel dan l-inċident, l-impjegat kien ġie “imwissi” diversi drabi dwar l-imġieba tiegħu. Dawn kienu jinkludu okkażjoni meta ma nstabx id-dar mit-tabib tal-kumpanija f’ġurnata meta kien irrapporta li kien ma jiflaħx, naqas li jmur għax-xogħol u hedded kollega. Il-kumpanija qalet lit-tribunal li d-deċiżjoni li jitkeċċa dan l-impjegat ittieħdet b’riżultat ta’ diversi twissijiet,

Min-naħa tiegħu, il-ħaddiem ikkontesta dawn l-akkużi. Hu qal lit-tribunal li meta kien irrapporta marid, ma kienx id-dar meta ġie t-tabib tal-kumpanija peress li mar għand it-tabib tiegħu. Barra minn hekk, hu ġġustifika l-assenza tiegħu mix-xogħol għax qal li kien hemm nuqqas ta’ ftehim mal-kollegi meta bidel shift u f’okkażjoni oħra dwar meta kien se joħroġ fuq break.

Fid-deċiżjoni tiegħu, it-tribunal ippresedut minn Harold Walls irrimarka li f’każijiet fejn min iħaddem jidhirlu li hemm biżżejjed raġunijiet biex jieħu azzjoni dixxiplinarja, il-ħaddiem inkwistjoni jrid jiġi notifikat formalment bil-miktub. Min iħaddem għandu jiddeskrivi n-natura tal-allegat ksur jew imġieba ħażina sabiex il-ħaddiem ikollu l-opportunità li jiddefendi lilu nnifsu. Konsegwentement, min iħaddem huwa marbut li joħroġ “akkuża” formali u jikkomunika l-ħin u d-data meta l-każ ikun se jinstema’. Barra minn hekk, l-impjegat għandu d-dritt li jtella’ x-xhieda u jkun assistit minn persuna ta’ fiduċja.

Madankollu, f’dan il-każ partikolari irriżulta li l-kumpanija ma tat l-ebda opportunità bħal din lill-impjegat u għalhekk ma setax jiddefendi ruħu.

Konsegwentement, wara li qies il-provi miġjuba miż-żewġ partijiet, it-tribunal iddeċieda li t-terminazzjoni tal-impjieg ta’ Cordina kienet inġusta u bi ksur tal-liġi. Barra minn hekk it-tribunal ta lill-impjegat €4,200 f’danni li kellhom jitħallsu fi żmien ħmistax-il ġurnata minn din is-sentenza.