Il-Parlament jivvota sabiex itemm l-ostakli għax-xiri fuq l-internet bejn pajjiż u ieħor
Xerrejja fuq l-internet se jkollhom aċċess iżjed wiesa’ u eħfef għal prodotti, bookings ta’ lukandi, kiri ta’ karozzi, festivals mużikali jew biljetti għal parks ta’ divertiment fl-Unjoni Ewropea.
Ir-regoli l-ġodda se jipprojbixxu l-geo–blocking ta’ xerrejja li jidħlu f’websites f’pajjiż ieħor tal-UE, sabiex jagħżlu minn liema website jistgħu jixtru affarijiet jew servizzi, mingħajr ma jkunu mwaqqfa jew jiġu awtomatikament trasferiti lejn website oħra minħabba n-nazzjonalita’ tagħhom, il-post ta’ residenza jew anki l-lokalita’ temporanja tagħhom.
In-negozjanti se jkollhom jittrattaw lil xerrejja fuq l-internet minn pajjiż ieħor fl-UE bl-istess mod daqs xerrejja lokali, jiġifieri, jagħtuhom aċċess għall-istess prezzijiet jew kundizzjonijiet ta’ bejgħ, meta huma:
- jixtru oġġetti (eż. apparat tad-djar, elettronika, ħwejjeġ) li jitwasslu lil stat membru fejn in-negozjant joffri t-twassil fil-kundizzjonijiet ġenerali tiegħu, jew jinġabru f’lokalita’ maqbula miż-żewġ partijiet f’pajjiż tal-UE fejn in-negozjant joffri tali għażla (in-negozjanti ma jkollhomx bżonn iwasslu l-oġġetti fil-pajjiżi kollha tal-UE, iżda x-xerrejja għandu jkollhom l-għażla li jiġbru l-pakkett f’post miftiehem man-negozjant).
- jirċievu servizzi pprovduti elettronikament li mhumiex protetti bil-copyright, bħalma huma s-servizzi cloud, il-firewalls, id-data warehousing, il-website hosting, jew
- jixtru servizz li jkun ipprovdut fil-bini tan-negozjant jew f’lokalita’ fiżika fejn jaħdem in-negozjant, eżempju f’lukandi, f’avvenimenti sportivi, kirjiet ta’ karozzi, festivals mużikali jew biljetti għal parks tad-divertiment.
Mhux se jkun permess li x-xerrejja jkunu trattati differenti minħabba l-post fejn inħarġet il-credit jew id-debit card. Filwaqt li n-negozjanti jibqgħu liberi biex jaċċettaw kull mezz ta’ ħlas, huma ma jistgħux jiddiskriminaw kontra xi ħlas speċifiku bbażat fuq nazzjonalita’.
Kontenut bil-copyright esklużi għal issa
Kontenut diġitali bil-copyright, bħalma huma kotba elettroniċi kif ukoll mużika jew logħob li jitniżżlu minn fuq l-internet, għalissa mhux se jkunu koperti bir-regolamenti l-ġodda. Madankollu, il-Kummissjoni Ewropea trid tanalizza, fi żmien sentejn mindu l-liġi tkun infurzata, jekk il-projbizzjoni fuq il-geo–blocking għandhiex titwessa biex tinkludi tali kontenut, kif ukoll servizzi awdjo-viżivi jew ta’ trasport, li bħalissa huma wkoll esklużi.