Nagħtu iżjed importanza lit-Taħriġ Vokazzjonali u Edukattiv
It-Tieni Ġimgħa Ewropea dwar il-Ħiliet Vokazzjonali, organizzata mill-Kummissjoni Ewropea, ġiet ċelebrata fi Brussell u f’pajjiżi oħrajn madwar l-Ewropa fil-jiem li għaddew. Din kienet attivita’ li serviet biex tenfasizza l-bżonn ta’ aktar edukazzjoni vokazzjonali u taħriġ.
Kull persuna għandha talent. Uħud mit-talenti jistgħu jkunu ovvji, oħrajn ikunu għadhom moħbija. Numru sostanzjali għadhom ma skoprewx it-talent tagħhom u dan b’detriment għalihom infushom, għall-futur tagħhom u għas-soċjeta’.
It-Taħriġ Vokazzjonali u Edukattiv (VET) hu neċessarju ħafna llum fid-dawl ta’ kriżi li qed jaffaċċja min iħaddem biex isib ħaddiema mħarrġa u b’ċertu talent. Sfortunatament, pajjiżna jinsab fl-aħħar postijiet fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea f’dak li għandu x’jaqsam it-taħriġ vokazzjonali.
Dan il-portal jinnota li żgħażagħ bejn it-18 u l-24 sena, li jinsabu fl-aqwa ta’ ħajjithom, qed jitilfu ħafna benefiċċji f’ħajjithom. Fost il-vantaġġi, wieħed isib il-kisba ta’ kwalifiki fil-VET biex iż-żgħażagħ isibu mpjieg li jrendi tajjeb u l-opportunita’ li jibnu karriera b’saħħitha fil-linja tagħhom. Fuq kollox il-kwalifiki fit-taħriġ vokazzjonali jagħtu dinjita’ lill-persuna u b’hekk l-individwu jħossu aħjar fis-soċjeta’ ta’ madwaru.
Imma għaliex dawn iż-żgħażagħ mhux qed jitħajru jsegwu kors ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali? Inutli li ntellgħu l-korsijiet fuq l-internet meta l-istudenti hemm barra, il-ħaddiema u min iħaddem ma jafux bihom. Filwaqt li l-edukazzjoni għandha sservi lill-persuna, din għandha tkun ukoll ta’ servizz lis-soċjeta’ kollha kemm hi. Il-VET, appuntu, jagħmel dan.
Tajjeb li nfakkru li l-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ twassal għal impjiegi ta’ kwalita’ għolja u lok biex dak li jkun jiġi impjegat malajr.
Hemm barra jeżistu ħafna opportunitajiet fit-taħriġ li jippreparawk għal karrieri interessanti u li jagħtuk sfida, kif ukoll jgħinuk biex tintegra b’mod attiv fis-soċjeta’. Taħriġ ta’ kwalita’ jiżviluppa potenzjal kreattiv u innovattiv lill-individwu.
Għaldaqstant l-isforzi għandhom jissoktaw sabiex il-partijiet interessati jisħqu iżjed fuq il-VET u jsir studju dwar liema ħiliet se jkollu bżonn Malta għas-snin li ġejjin.