Tolleranza Żero għall-fastidju sesswali u l-abbuż
Membri tal-Parlament Ewropew ikkundannaw b’saħħa kull forma ta’ vjolenza sesswali u jiddeploraw l-fatt li dawn l-atti qed ikunu ttollerati wisq faċilment. Il-ħatja għandhom ikunu kkastigati.
Il-Parlament qed isostni t-talba li kienet għamlet lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tipproponi strateġija, fosthom abbozz ta’ liġi, sabiex in-nisa jkunu mħarsa kontra l-vjolenza, inkluż il-fastidju sesswali u l-abbuż sesswali ta’ nisa u bniet.
Il-ġlieda kontra l-fastidju sesswali wkoll tinkludi għarfien, kampanji edukattivi u li jkunu trattati kwistjonijiet fosthom dwar l-istigma soċjali.
Ir-resoluzzjoni għaddiet b’580 vot kontra għaxra, b’27 astensjoni.
Il-fastidju sesswali fil-Parlament
Il-Parlament Ewropew għandu jeżamina b’mod urġenti l-allegazzjonijiet riċenti ta’ fastidju sesswali u abbuż, jintroduċi taħriġ mandatorju għall-istaff kollu u l-Membri dwar ir-rispett u d-dinjita’ fil-post tax-xogħol, iżomm reġistru kunfidenzjali ta’ każijiet, iwaqqaf task force ta’ esperti indipendenti u jsaħħaħ proċeduri formali u appoġġ għal vittmi fi proċeduri fi ħdan il-Parlament Ewropew u/jew mal-pulizija lokali.
Stati membri għandhom ukoll jeżaminaw is-sitwazzjoni fil-parlamenti nazzjonali u jieħdu l-miżuri neċessarji. Il-membri parlamentari Ewropej qalu li “l-politiċi għandhom jaġixxu b’responsabbilta’ billi jipprevjenu u jiġġieldu l-fastidji sesswali fil-Parlamenti u lil hinn minnhom.”
Fatti ta’ malajr
- Skont studju li sar mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali fl-2014 dwar il-vjolenza kontra n-nisa:
- Waħda minn tliet nisa esperjenzaw vjolenza fiżika jew sesswali matul il-ħajja adulta tagħhom;
- Sa 55 fil-mija tan-nisa fl-UE ġew iffastidjati sesswalment;
- 32 fil-mija tal-vittmi kollha fl-UE qalu li min wettaq ir-reat kien superjur, kollega jew klijent; 75 fil-mija tan-nisa fi professjonijiet kwalifikati jew ta’ top management kienu ffastidjati sesswalment, kif l-istess ġara lil 61 fil-mija tan-nisa impjegati fis-settur tas-servizzi;
- 20 fil-mija ta’ tfajliet (bejn it-18 u d-29 sena) fit-28 stat membru tal-UE esperjenzaw fastidju fuq l-internet, u
- Waħda minn għaxar nisa kienu suġġetti għal fastidju sesswali bl-użu ta’ teknoloġija ġdida.