Il-Karta tad-Diżabbilta’ tal-Unjoni Ewropea
L-Unjoni Ewropea qed tiżviluppa sistema ta’ rikonoxximent reċiproku bażata fuq Karta tad-Diżabbilta’ tal-Unjoni Ewropea sabiex persuni bi bżonnijiet speċjali jkunu jistgħu jivvjaġġaw faċilment bejn pajjiż u ieħor fl-UE.
Bħalissa , m’hemmx rikonoxximent reċiproku dwar l-istat tad-diżabbilta’ bejn l-istati membri tal-Unjoni Ewropea u dan jagħmilha diffiċli għal persuni b’diżabbilta’ biex jivvjaġġaw minn pajjiż għal ieħor fl-UE.
Bl-għajnuna ta’ din il-karta, persuni bi bżonnijiet speċjali jkunu kapaċi jidentifikaw ruħhom bħala nies b’diżabbilta’ fi stati membri oħrajn fl-UE. B’riżultat ta’ dan, jistgħu jibbenefikaw minn diversi skontijiet fil-ħwienet. Karta komuni tad-Diżabbilta’ tal-UE se tassigura aċċess ugwali għal ċertu benefiċċji speċifiċi, l-aktar fl-oqsma tal-kultura, id-divertiment, l-isport u t-trasport. Il-karta se tkun rikonoxxuta bejn il-pajjiżi fl-UE li jipparteċipaw fis-sistema, fuq bażi volontarja.
Il-karta ma tbiddilx il-kriterji nazzjonali għall-eliġġibilta’ jew ir-regolamenti. L-istati membri jżommu d-diskrezzjoni tagħhom sabiex jiddeċiedu min hu eliġibbli biex jirċievi l-karta, bl-użu tad-definizzjoni nazzjonali tad-diżabbilta u biex tkun stabbilita l-proċedura fil-ħruġ tal-karta.
F’Malta, il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbilta’ (CRPD) nediet website biex tieħu ħsieb l-applikanti l-ġodda għall-Karta tad-Diżabbilta’ tal-UE. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jikkuntattja lis-CRPD direttament.
Dan il-proġett hu ko-finanzjat mill-Programm tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea.