Ma’ kull nifs li tieħu
Statistika li kienet preżentata dan l-aħħar fil-Parlament turi li minkejja l-isforzi biex jonqsu l-emissjonijiet tossiċi u l-kwalità tal-arja f’ċerti zoni residenzjali xorta hi waħda ta’ theddida għas-saħħa pubblika. Skont l-Awtorità tar-Riżorsi u l-Ambjent il-kwalità tal-arja f’postijiet bħal Triq Sant’Anna fil-Floriana, Triq Sant’Andrija fis-Swieqi u Aldo Moro fil-Marsa taqbeż il-limitu aċċettabbli tal-UE. F’dan il-każ l-allarm ġej mill-fatt li hemm livelli għolja ta’ Nitrogen Dioxide (NO2) – li hu gass tossiku ġġenerat meta l-fuels jinħarqu f’temperaturi għoljin u għalhekk mit-traffiku tal-vetturi.
Espożizzjoni eċċessiva għal dan il-gass jista’ jkollha konsegwenzi perikolużi fuq is-saħħa tal-bniedem bħal żieda fl-infjammazzjoni fis-sistema respiratorja, sogħla u tħarħir u inċidenza akbar ta’ attakki tal-ażma speċjalment fit-tfal. Wieħed jista’ jimmaġina l-impatt fuq ir-residenti tal-Furjana jew dawk li id-drawwa li jieħdu xi kafè filgħodu taħt il-loġoġ ta’ din it-triq ewlenija matul il-ġurnata tax-xogħol. F’Malta dan il-qattiel sieket hu stmat li jikkawża madwar 550 mewt fis-sena.
Fl-aħħar snin saru sforzi, mhux biss lokalment, iżda fuq livell globali biex jibdew jitnaqqsu l-emissjonijiet tossiċi. Il-qalba mill-heavy fuel oil għall-gass fil-power station kienet pass fid-direzzjoni t-tajba. Barra minn hekk, ra inċentivi fqu xiri ta’ karozzi hybrid, u iktar iktar dawk elettriċi. Madankollu, hemm evidenza li dan hu biss qatra fl-oċean. Skont l-aħħar statistika ta’ kuljum qed ikunu liċenzjati 56 karozza fit-toroq, li ħafna minnhom jaħdmu bil-petrol jew diesel. Is-sitwazzjoni qed tiggrava biż-żieda mgħaġġla fil-popolazzjoni li fl-aħħar għaxar snin telgħet minn 422,000 għal 520,000.
S’issa, ma ġie ppreżentat l-ebda pjan konkret biex tibda titnaqqas id-dipendenza fuq il-karozzi privati. Barra minn hekk, is-servizz tal-karozzi tal-linja mhux ilaħħaq mad- minħabba ż-żieda qawwija fil-popolazzjoni. It-tieni, x’sens jagħmel li tieħu karozza tal-linja jekk se tispiċċa maqbud fit-traffiku.
Xi xhur ilu, il-gvern kien preżenta proposta għal metro. Sal-lum ħadd ma jaf eżatt x’ġara wara li ġew preżentati dawn il-pjani. Mossa bħal din hi sintomatika ta’ nuqqas ta’ ppjanar fit-tul għax is-soluzzjonijiet li qed jiġu ppreżentati huma biex tittaffa l-problema milli biex tkun indirizzata darba għal dejjem.
Filwaqt li ċerti proġetti kbar ta’ infrastruttura bħall-junction tal-Marsa kien hemm bżonnhom, il-pajjiż jeħtieġ li jħares lejn soluzzjonijiet biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-karozzi privati, u jekk dan ma jkunx possibbli li ma jispiċċa l-użu tal-fuels li jniġġsu. Għalkemm Malta se li tipprojbixxi l-importazzjoni ta’ karozzi li jaħdmu bil-petrol u d-diesel sal-2035, iridu jgħaddu għexieren ta’ snin biex din it-tranżizzjoni tilħaq l-għan aħħari tagħha li ma jkunx hemm emissjonijiet tossiċi.
Il-UHM Voice of the Workers ripetutament ressqet l-idea li jkun hemm ċentri reġjonali li jkun fihom kumpless armat b’postijiet ta’ parkeġġ, ħwienet u servizzi essenzjali li jkunu servuti bil-karozzi tal-linja. Mudell bħal dan jinkoraġġixxi lil dawk li jivvjaġġaw biex iħallu l-karozza tagħhom f’dawn il-kumplessi u jagħmlu l-bqija tal-qadjiet tagħhom, inkluż imorru għax-xogħol b’tal-linja. Madankollu, l-union qatt ma ngħatat rispons mill-awtoritajiet dwar din il-proposta.
Ma jistax ikun li ċ-ċentri tal-ibliet u l-irħula tagħna jibqgħu b’arja ħażina li qed tikkawża l-imwiet. Minbarra kwistjonijiet ta’ saħħa, il-prezz li ma jsir xejn jista’ jitkejjel ukoll fi spejjeż kbar għall-kaxxa ta’ Malta. Skont rapport riċenti tal-Kummissjoni Ewropea l-konġestjoni, l-istorbju u t-tniġġis tal-arja mit-traffiku qed jiswew lil Malta madwar €400 miljun fis-sena. Malta għandha bżonn urġenti ta’ pjan.