Pass ’il quddiem, u tnejn lura
L-elezzjoni ġenerali tal-2022 kellha tfitaħ era ġdida f’termini tal-proċess tal-għadd tal-għadd bl-introduzzjoni tal-għadd elettroniku. L-għan ewlieni kien li jitħaffef il-proċess tas-sistema filwaqt li jissaħħu l-kontrolli.
Fir-realtà, is-sistema elettronika kienet diġà ġiet ippruvata u ttestjata għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-kunsilli lokali tal-2019. Dak iż-żmien kien intqal li xi problemi li setgħu jinqalgħu kienu se jiġu indirizzati. Sfortunatament, għaddew tliet snin iżda l-problemi li kienu feġġew fl-2019 għadhom magħna.
L-ewwel nett, minkejja li l-marġni tar-rebħa kien akbar milli fl-aħħar żewġ elezzjonijiet, id-dikjarazzjoni tar-rebħa ħadet iktar fit-tul. Dan id-dewmien kien attribwit għall-fatt li kuntrarjament għal dak li kien jiġri fil-passat, il-voti ma kinux jingħaddu fl-istess ħin mill-kaxxi kollha fi ħdan distrett, iżda kaxxa wara l-oħra. Għalhekk, il-kampjun tal-preferenzi tal-ewwel għadd ma kienx affidabbli daqs kemm kien ikun qabel bir-riżultat li biex jitbassar ir-rebbieħ u d-distakk, kien hemm bżonn li jingħaddu numru ferm akbar ta’ voti. Għalhekk, il-proċess biex ikun hemm il-verdett dwar min rebaħ u b’kemm, ħa aktar fit-tul.
It-tieni, il-proċess tal-għadd din id-darba deher kien qisu xi ħaġa mistura. Għal xi raġuni kellhom jgħaddu aktar minn 24 siegħa biex il-kummissjoni tippubblika xi tip ta’ riżultat. Dan kien ifisser li tul il-proċess tal-votazzjoni ħadd ħlief l-uffiċjali tal-partiti u l-kummissjoni elettorali, ma kienu konxju ta’ kif kien sejjer kull kandidat rispettiv. Dan il-vojt wassal għal spekulazzjoni kontinwa, xnigħat u żbalji dwar min kien elett u min kien baqa’ l-art. Sadanittant, membri tal-midja tħallew kompletament fid-dlam u kellhom jiddependu fuq is-sorsi tal-partiti jew tal-kummissjoni stess. Anke wara li l-ismijiet kollha tal-kandidati eletti kienu magħrufa, il-voti rispettivi kienu għadhom mhux magħrufa. Kien biss tard it-Tnejn filgħodu, meta r-riżultati sħaħ ġew ippubblikati mill-kummissjoni elettorali. Sakemm inkiteb dan l-editorjal ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni dwar dan kollu mill-Kummissjoni Elettorali. Konsegwentement, l-introduzzjoni tas-sistema tal-għadd elettroniku fissret ħafna inqas trasparenza fil-proċess innifsu, speċjalment għal dawk li jsegwu mid-dar. Din il-kwistjoni kienet diġà ġiet indikata wara l-elezzjonijiet tal-2019 meta l-Kummissjoni kienet wegħdet li se teżamina l-proċess. Tliet snin wara, is-sitwazzjoni jidher li marret għall-agħar. Kien qisu saret it-Tazza tad-Dinja tal-futbol bil-bibien magħluqa, biex tħabbar ir-rebbieħ biss wara l-finali. Għalkemm il-pubblikazzjoni tar-riżultat ma damx daqs qabel, l-esperjenza ħalliet togħma morra. F’dan ir-rigward sar pass ’il quddiem bl-introduzzjoni tal-għadd elettroniku u żewġ passi lura mill-aspett ta’ trasparenza. Jeħtieġ li tittieħed azzjoni mill-Kummissjoni Elettorali.