Tkompli żieda qawwija fil-prezzijiet tal-ikel
Il-prezzijiet tal-ikel l-ogħla livell f’Novembru fost xejra inkwetanti li rat żieda fl-għoli tal-ħajja mill-bidu tas-sena li għaddiet (2021). Dan it-tħassib kompla jiżdied fis-sena l-ġdida hekk kif il-kumpanija lokali tal-prodotti tal-ħalib Benna ħabbret żidiet qawwija sa 57% fil-firxa tagħha ta’ prodotti essenzjali bħal jogurts, krema friska u ħalib.
Ċifri pubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li r-rata annwali tal-inflazzjoni kif imkejla mill-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI – magħmul minn basket ta’ oġġetti) laħqet it-2.38% f’Novembru, meta mqabbel ma’ 0.19% fi Frar. Ta’ tħassib partikolari huwa l-fatt li l-akbar żieda kienet irreġistrata fl-indiċi tal-ikel b’żieda ta’ 4.5% meta mqabbel ma’ Novembru tal-2020.
Din ix-xejra hi sinifikanti peress li n-nefqa fuq l-ikel tiekol parti kbira mill-baġit disponibbli tal-familji bi dħul baxx u dawk magħrufa bħala working poor – it-terminu użat għal persuni b’impjieg fiss li madankollu jbatu biex ilaħħqu mal-ħajja.
Iċ-ċifri tal-NSO jaqblu ma’ riċerka li saret mill-Bank Ċentrali li fiha irriżulta li aktar minn tliet kwarti tan-negozju fis-settur tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut żiedu l-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom bejn Lulju u Settembru tas-sena li għaddiet. Żidiet fl-ispiża tal-materja prima, merkanzija, trasport u skarsezza fil-pajjiżi produtturi kienu r-raġunijiet imsemmija min-negozji.
L-RPI huwa magħmul minn 10 indikaturi ewlenin li jkejlu l-movimenti fl-għoli tal-ħajja. Minbarra l-ikel, jinkludi wkoll l-ispiża ta’ oġġetti essenzjali bħall-ilma, l-elettriku, il-gass u l-fuels, il-ħwejjeġ u ż-żraben, it-trasport u l-komunikazzjoni, id-djar, ir-rikreazzjoni u l-kultura. Dawn l-indikaturi huma maqsuma f’kategoriji sabiex tinkiseb stampa wiesgħa tal-varjazzjonijiet fil-prezzijiet.
Analiżi tal-indiċi tal-ikel turi li fl-aħħar sena l-oġġetti tal-ikel esklużi s-servizzi tar-ristoranti u take aways żdiedu b’4.83%. Barra minn hekk, kien hemm żieda ta’ 1.73% minn Ottubru għal Novembru li għadda. Għalkemm l-NSO semma biss żieda fil-prezz tal-ħaxix, huwa sigriet magħruf li oġġetti essenzjali bħall-ħobż u prodotti oħra tal-merċa wkoll għolew fil-prezz. Fil-fatt, kien hemm żieda kostanti fin-numru ta’ nies li jiddependu fuq l-appoġġ tal-food banks. L-aħħar reviżjoni ’l fuq, it-tieni mill-2019, tħabbret minn Benna fil-bidu tas-sena minħabba spejjeż ogħla fl-għalf tal-annimali. F’ċerti każi l-prezzijiet żdiedu b’mod eżorbitanti bħall-krema friska ta’ 250ml li telgħet minn 70ċ għal €1.10.
It-tieni l-ogħla kontributur għaż-żieda fl-għoli tal-ħajja kien mill-“indiċi ta’ oġġetti u servizzi oħra” li żdied bi 3.08% fis-sena. Dan kien prinċipalment riżultat taż-żieda tas-servizzi veterinarji, ikel għall-annimali domestiċi, assigurazzjonijiet u servizzi finanzjarji. Kien hemm żidiet ukoll fl-indiċi tad-djar, tar-rikreazzjoni u l-kultura.
Min-naħa l-oħra, kien hemm tnaqqis żgħir fit-trasport u l-komunikazzjoni u fl-indiċi li jinkludi t-tagħmir tad-dar u l-ispejjeż tal-manutenzjoni. Madankollu, dawn ma kinux għoljin biżżejjed biex jikkumpensaw ir-rata ġenerali tal-inflazzjoni.
Apparti kull xahar, l-NSO ikejjel ukoll l-għoli tal-ħajja permezz ta’ mekkaniżmu magħruf bħala l-moving average ta’ 12-il xahar. Dan il-metodu jegħleb kwalunkwe tibdil staġjonali billi jqabbel il-medja tal-aħħar 12-il xahar mal-medja tat-12-il xahar preċedenti. Konsegwentement, ir-riżultat jagħti stampa ġenerali aħjar tas-sitwazzjoni. Għal din ir-raġuni, din il-metodoloġija tintuża għall-komputazzjoni taż-żieda fl-għoli tal-ħajja (COLA). Madankollu, kien hemm sejħiet biex jiġi rivedut il-mekkaniżmu tal-COLA sabiex jiġi mmonitorjat l-għoli tal-ħajja b’basket aktar aġġornat ta’ oġġetti essenzjali li jirriflettu l-ħtiġijiet attwali. Fil-Budget 2022 il-COLA kienet ta’ €1.75 fil-ġimgħa.