Il-Parlament se jonora l-memorja tal-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli li miet fil-11 ta’ Jannar f’Aviano (l-Italja) fejn kien ilu l-isptar mis-26 ta’ Diċembru f’ċerimonja.  Iċ-ċerimonja se ssir matul is-sessjoni plenarja ta’ nhar t-Tnejn li ġej fi Strasburgu. Hu kien ilu Membru tal-Parlament Ewropew mill-2009, u ġie elett President f’Lulju tal-2019 għall-ewwel nofs tal-leġiżlatura.

Il-President Sassoli adotta miżuri straordinarji li ppermettew lill-Parlament Ewropew iwettaq dmirijietu u jeżerċita l-prerogattivi tiegħu skont it-Trattati matul il-pandemija. Huwa kellu wkoll rwol prominenti fil-promozzjoni ta’ baġit ambizzjuż fit-tul tal-UE u faċilità effettiva ta’ rkupru. Barra minn hekk, il-President Sassoli mexxa lill-Parlament biex juri s-solidarjetà tiegħu lejn dawk inqas ixxurtjati meta l-kriżi laqtet, b’azzjonijiet ta’ appoġġ fil-bliet ospitanti tal-Parlament Ewropew bħall-għoti ta’ ikliet lil organizzazzjonijiet tal-karità u kenn fil-bini tal-Parlament lil nisa vittmi ta’ vjolenza. Determinat li jislet tagħlimiet mill-pandemija, il-President Sassoli nieda wkoll eżerċizzju kbir ta’ riflessjoni mal-Membri biex tiġi kkunsidrata mill-ġdid u msaħħa d-demokrazija Parlamentari.

Bħala Ewropew iddedikat, il-President Sassoli, fid-diskors tiegħu fil-Kunsill Ewropew f’Diċembru ftit ġimgħat ilu enfasizza li “X’teħtieġ l-Ewropa, u teħtieġ l-aktar, huwa proġett ġdid ta’ tama. Naħseb li nistgħu nibnu dak il-proġett abbażi ta’ approċċ b’saħħtu fuq tliet binarji: Ewropa innovattiva; Ewropa li tipproteġi; u Ewropa li timmotiva.”

Kommemorazzjoni

Se ssir ċerimonja fl-unur tal-memorja tal-President sassoli nhar it-Tnejn 17 ta’ Jannar fil-ftuħ tas-sessjoni plenarja fi Strasburgu fil-preżenza tal-ex Membru tal-PE u l-Prim Ministru Taljan Enrico Letta.

F’Ruma, il-President David Sassoli ser ikun espost fil-pubbliku l-Ħamis 13 ta’ Jannar mill-10.00 sas-18.00 fis-Sala della Protomoteca tal-Campidoglio u s-servizz funerali ser isir il-Ġimgħa 14 ta’ Jannar fin-12.00 fil-Bażilika ta’ Santa Maria degli Angeli.

Elezzjoni tal-President il-ġdid tal-PE

Kif deskritt fir-Regoli ta’ Proċedura (Artikolu 20), il-Presidenza interim se tiġi żgurata mill-ewwel Viċi President tal-Istituzzjoni fil-jiem li jwasslu għall-elezzjoni ta’ President ġdid. Kif kien ippjanat oriġinarjament qabel il-mewt tal-President Sassoli, l-elezzjoni tal-President tal-Istituzzjoni għat-tieni nofs tal-mandat se ssir it-Tlieta li ġej matul il-plenarja ta’ Strasburgu. L-elezzjonijiet tal-Viċi Presidenti u tal-Kwesturi se jsegwu sussegwentement.