Ewropa soċjali hija importanti għall-Ewropej
Ir-riżultati ta’ stħarriġ speċjali tal-Eurobarometer maħruġ aktar kmieni din is-sena biex titkejjel l-attitudni tal-Ewropej dwar kwistjonijiet soċjali fl-UE, żvelaw li 88% tal-Ewropej (inklużi dawk li wieġbu minn Malta) iqisu li Ewropa soċjali hija importanti għalihom personalment.
L-istħarriġ wera li l-Ewropej qed ikomplu jżommu b’mod leġittimu l-wegħda ta’ ekonomija soċjali tas-suq b’rendiment għoli, b’impjiegi li jagħmlu għajxien sigur u deċenti.
Fejn jidħlu l-kwistjonijiet soċjali l-aktar urġenti, iċ-ċittadini Ewropej għażlu dawn li ġejjin f’din l-ordni: opportunitajiet indaqs u aċċess għas-suq tax-xogħol; kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, u aċċess għal kura tas-saħħa ta’ kwalità. Dawk li wieġbu l-Maltin jagħtu prijorità lill-istandard tal-għajxien qabel ma jmorru għall-kwistjonijiet l-oħra.
Dawk li wieġbu Maltin għandhom ukoll fehmiet diverġenti dwar dik li jqisu bħala l-aktar kwistjoni soċjali importanti għall-Ewropa fil-futur. Filwaqt li l-kura tas-saħħa hija l-aktar kwistjoni importanti għall-bqija tal-Ewropej, għal dawk li wieġbu Maltin, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata huwa l-aktar li jħassibhom.
Tista’ tesprimi l-fehmiet u l-ideat tiegħek dwar liema kwistjonijiet soċjali tistenna li tindirizza l-UE fil-futur, billi tuża l-pjattaforma diġitali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.