L-irkupru tal-Ewropa għal aktar impjiegi u impjiegi aħjar
Lejlet il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru, il-presidenti tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-imsieħba soċjali fil-livell tal-UE (ETUC, BusinessEurope, SGI Europe, SMEunited, CEC European Managers), iddiskutew l-irkupru tal-Ewropa fi tkabbir sostenibbli fit-tul li jgħin fit-tkattir tal-impjiegi u xogħol ta’ kwalità fis-summit soċjali.
Il-messaġġi ewlenin li ħarġu mis-summit kienu dawn:
- Transizzjoni soċjalment ġusta tiddependi fuq investiment fil-ħiliet u l-implimentazzjoni ta’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol biex jiġi żgurat tkabbir sostenibbli fit-tul li joħloq aktar impjiegi u impjiegi aħjar.
- Il-pjan ta’ rkupru għall-Ewropa – NextGenerationEU – se jipprovdi għal investimenti bla preċedent fl-edukazzjoni, it-taħriġ, l-impjiegi u l-miżuri ta’ protezzjoni soċjali. L-imsieħba soċjali, aktar minn qatt qabel, għandhom rwol ċentrali x’jaqdu għal implimentazzjoni b’suċċess tal-pjanijiet nazzjonali u rkupru li ma jħalli lil ħadd lura.
- Transizzjoni soċjalment ġusta mhijiex biss dwar il-ħiliet, iżda l-investiment u l-antiċipazzjoni tal-bidla. Huwa meħtieġ Kuntratt Soċjali mġedded għal pagi deċenti, drittijiet tal-ħaddiema inklużi fi pjattaformi u xogħol mhux standard, protezzjoni soċjali universali u adegwata, djalogu soċjali msaħħaħ u negozjar kollettiv.
Il-parteċipanti fis-summit soċjali talbu lil dawk kollha involuti biex jiżguraw li fl-isforzi ta’ rkupru tal-UE, ħadd ma jitħalla lura.