Gwida biex tifhem aħjar kif jaħdmu l-pensjonijiet privati
Il-politika tal-Gvern hija li tħeġġeġ tfaddil permezz tal-pensjoni – jew fuq livell individwali jew fuq bażi ta’ min iħaddem. Il-pensjoni tal-Istat hi mfassla biex tipprovdi persuna bi dħul adegwat wara l-irtirar.
Niżżel il-gwida dwar il-pensjonijiet privati
Il-pensjoni tal-Istat, madankollu, mhijiex iddisinjata biex tipprovdi dħul mill-pensjoni li jipprovdi rata ta’ sostituzzjoni li tkun viċin il-paga bażika gross jew l-istess dħul tal- impjieg. Dan jgħodd b’mod partikolari għal dawk li l-paga jew id-dħul tagħhom jaqbeż il-limitu massimu tad-dħul pensjonabbli li fuqu titħallas il-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali. Dan jidher mill-eżempju ppreżentat fit-tabella hawn taħt.
ĠEMMA tenfasizza l-importanza li l-pensjoni tal-Istat tagħha tiġi kumplimentata bi dħul ieħor biex tingħata spinta lid-dħul disponibbli tagħha wara l-irtirar. L-investiment fi pjan ta’ pensjoni volontarju hi deċiżjoni li ĠEMMA tirrakkomanda bil-qawwa.
ĠEMMA tirrikonoxxi, madankollu, li l-pjanijiet tal-pensjonijiet privati volontarji għadhom ġodda għal Malta u l-qafas u t-terminoloġija li jirrigwardaw dawn il-pjanijiet għal ħafna mill-persuni mhumiex familjari.
ĠEMMA tenfasizza li deċiżjoni finanzjarja għandha tkun waħda infurmata – u li taqbel maċ-ċiklu personali u/jew tal-ħajja tiegħek. Din il-gwida hi mfassla biex tgħinek issir aktar familjari mat-termini tekniċi tal-pjanijiet tal-pensjonijiet volontarji. L-għan ta’ din il-gwida hu li jgħin lil persuna li trid tinvesti f’pensjoni privata volontarja biex tidħol f’diskussjoni infurmata ma’ min qed joffriha.
Din il-gwida telimina kliem tekniku użat minn dawk li joffru pensjonijiet privati u tispjegahom b’mod sempliċi. ĠEMMA tagħraf li f’ċerti każijiet dan mhux dejjem ikun possibbli. ĠEMMA tistieden lill-persuni u lill-fornituri ta’ dawn il-pensjonijiet biex jippreżentaw suġġerimenti dwar kif din il-gwida tista’ tiġi simplifikata aktar. Suġġerimenti għandhom jintbagħtu lil ĠEMMA fuq gemma@gov.mt.
ĠEMMA tirringrazzja lill-APS Bank tal-għajnuna fil-produzzjoni ta’ din il-gwida.
Żur il-paġna ta’ Facebook ta’ ĠEMMA u agħmlilna like!