Il-bidliet ekoloġiċi u diġitali fl-Unjoni Ewropea jirnexxu biss jekk l-isfidi li fadal fid-dinja tax-xogħol jiġu indirizzati f’sinkronizzazzjoni mal-protezzjoni soċjali u l-ġustizzja soċjali.

Sfidi, bħal kundizzjonijiet tax-xogħol, taħriġ, titjib tal-ħiliet, bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, paga ugwali għal xogħol ugwali ta’ valur ugwali, u pagi ġusti għal għajxien diċenti, jiggarantixxu l-kwalità tal-impjiegi fil-futur.

Dawn se jkunu s-suġġetti għat-tielet diskussjoni pubblika organizzata minn SEM bħala parti mill-avvenimenti nazzjonali biex tikkontribwixxi għall-inizjattiva kontinwa mal-Ewropa kollha, il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.

Id-diskussjoni pubblika se ssir fl-14 t’Ottubru bejn il-5pm u s-6.30pm, u l-parteċipazzjoni se tkun online. Aktar informazzjoni u reġistrazzjoni hawn. Id-diskussjoni se tkunu bil-Malti.

L-għan ewlieni ta’ diskussjonijiet bħal dawn huwa li tinvolvi firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati u l-pubbliku biex jesprimu l-ideat tagħhom dwar id-direzzjoni li jixtiequ li tieħu l-Unjoni Ewropea fis-snin li ġejjin.

Biex tagħti l-opinjonijiet tiegħek dwar kwalunkwe suġġett tal-għażla tiegħek, jekk jogħġbok żur il-Pjattaforma Diġitali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.