4,000 flixkun tax-xorb tal-plastik li jintuża darba biss qed jingħataw ħajja ġdida f’installazzjoni tal-arti quddiem is-Santwarju Ta’ Pinu fl-Għarb, Għawdex.

Din l-installazzjoni li turi il-wiċċ ta’ Kristu, inħolqot mill-artist ambjentali Malti Joseph Barbara sabiex titqajjem kuxjenza u titħeġġeġ azzjoni kontra l-iskart tal-plastik.  L-installazzjoni tal-arti se tkun qed tintwera għal tliet xhur u kienet magħmula minn fliexken tax-xorb riċiklati minn residenti jew miġbura f’attivitajiet ta’ tindif madwar Għawdex, organizzati mill-proġett Cast-Out imwaqqaf minn Jo Curtis, produttriċi televiżiva u maniġer tal-proġett Cast-Out, u immexxija bl-għajnuna tal-faċilitatur tal-kampanja Neil Purssey. Voluntiera  minn etajiet bejn 5 snin sa 76 sena ħadu sehem f’dan it-tindif li qed isir regolarment f’Għawdex.

“L-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta qed jappoġġja l-Proġett Cast-Out għaliex dan jirrifletti żewġ elementi li l-Parlament Ewropew għandu għal qalbu ħafna: spirtu komunitarju u l-impenn għal ambjent aħjar,” qal Mario Sammut. Il-Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew ta ħarsa lejn il-politiki tal-Unjoni Ewropea b’rabta mal-Istrateġija tal-UE dwar il-Plastik, inklużi l-projbizzjoni fuq il-plastik li jintuża darba biss, it-twaqqif tar-rimi tal-iskart tal-plastik f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, ir-rekwiżit li l-plastik riċiklat jiġi integrat fil-fliexken tal-plastik, u l-ispinta lejn ekonomija ċirkolari.

Il-kampanja qed tiġi ffinanzjata mill-Ministeru għal Għawdex, u appoġġjata mill-Uffiċċju ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew f’Malta, il-Kampus ta’ Malta tal-Università Queen Mary ta’ Londra, u l-Fondazzjoni Melita, fost oħrajn. 

Sfond:

L-Unjoni Ewropea tipproduċi aktar minn 2.5 biljun tunnellata ta’ skart kull sena. Sabiex tiġġieled dan, minn Lulju ’l hawn l-UE pprojbixxiet ċerti oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss milli jitqiegħdu fis-swieq tal-Istati Membri tal-UE, u hemm fis-seħħ rekwiżiti ta’ mmarkar għall-prodotti permessi.

Bħalissa l-UE qed taġġorna wkoll il-leġiżlazzjoni tagħha dwar il-ġestjoni tal-iskart biex tippromwovi bidla fil-mod kif nipproduċu u nikkunsmaw bil-pjan ta’ azzjoni l-ġdid għal ekonomija ċirkolari li jinkludi proposti dwar disinn aktar sostenibbli tal-prodotti, it-tnaqqis tal-iskart u iktar mezzi lill-konsumaturi (bħad-dritt għat-tiswija).

Dawn il-miżuri huma parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew, sett ta’ politiki u miżuri leġiżlattivi li għandhom l-għan li jipproteġu aħjar l-ambjent u jnaqqsu t-tibdil fil-klima.

Aktar dettalji dwar il-proġett Cast-Out: Www.cast-out.com
Facebook: https://www.facebook.com/CastOutMalta