Malta ta’ qabel tal-aħħar fl-UE fin-numru ta’ nisa f’bordijiet tal-kumpaniji
Minkejja li l-perċentwali ta’ nisa fil-bordijiet tal-kumpaniji bejn l-2010 u l-2018 trippla, Malta għadha lura meta mqabbla mal-bqija tal-UE peress li tinsab fil-pożizzjoni ta’ qabel tal-aħħar, quddiem l-Estonja.
L-istatistika ġiet żvelata f’dokument tal-Eurofound li jagħmel analiżi tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-blokk ta’ 27 pajjiż fl-isfond tal-istrateġija tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi 2020-2025.
Matul is-snin bejn l-2010 u l-2018, id-differenzi bejn l-Istati Membri żdiedu drastikament fil-qasam tal-poter – li janalizza r-rappreżentanza tan-nisa u l-irġiel f’firxa tal-ogħla pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fl-isferi politiċi, ekonomiċi u soċjali.
Id-distakk bejn il-pajjiżi kiber għax fil-waqt li sar progress kbir f’xi wħud, oħrajn ma żammewx il-pass u t-titjib kien iktar modest. Fi Franza u l-Italja il-perċentwal taż-żieda kien ta’ 29 punt, waqt li fil-Belġju u l-Ġermanja ir-rata għoliet b’aktar minn 19 il-punt perċentwali. Min naħa l-oħra it-titjib fl-Istati Membri tal-Mediterran li diġà kellhom rati baxxi, bħall-Greċja, Ċipru u Malta, ma kienx qawwi biżżejjed daqs ta’ pajjiżi oħra. B’hekk id-differenza kompliet togħla. Filwaqt li fl-2010 l-proporzjon ta’ nisa fil-bordijiet tal-kumpaniji f’Malta kien ta’ madwar 2.5% sal-2018 kien tela’ għal 9%, imma kien għadu t-tieni l-iktar baxx qabel l-Estonja fejn ir-rata rispettiva kienet ta’ 8%.
Ir-Rumanija u l-Litwanja kienu l-uniċi Stati Membri fejn il-proporzjon ta’ nisa fil-bordijiet tal-kumpaniji naqas (bi 3.5 u 1.1 punti perċentwali rispettivament). Madankollu, huma għadhom aħjar minn Malta.
L-ispinta fin-numru tan-nisa fil-bordijiet tal-kumpaniji f’ċerti Stati Membri tidher li hija marbuta mal-adozzjoni ta’ miżuri bħal kwoti fuq ir-rappreżentanza minima ta’ kull sess. Bejn l-2010 u l-2018, sitt Stati Membri (il-Belġju, il-Ġermanja, Franza, l-Italja, l-Awstrija u l-Portugall) ħadu miżuri bħal dawn u l-impatt tagħhom kien ċar. L-impatt ta’ tali leġiżlazzjoni wassal biex sa Ottubru 2020, in-nisa kienu jammontaw għal madwar 37% tal-membri tal-bord fl-akbar kumpaniji kkwotati fl-Istati Membri fejn hemm dawn il-kwoti, waqt li fl-Istati Membri li ma ħadux miżuri bħal dawn ir-rata baqgħet taħt il-25%.
Xejriet oħra
Ir-rapport ikejjel l-ugwaljanza bejn is-sessi permezz ta’ indiċi li jvarja minn 1 sa 100 b’100 jirrappreżenta ugwaljanza sħiħa bejn in-nisa u l-irġiel. L-Indiċi tal-ugwaljanza bejn is-sessi, kif inhu magħruf huwa bbażat fuq firxa ta’ indikaturi dwar ix-xogħol, il-flus, l-għarfien, il-ħin, il-poter u s-saħħa.
Bejn l-2010 u l-2018, il-punteġġ tal-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi fl-Istati Membri kollha, għalkemm ir-ritmu tal-progress b’mod ġenerali hu kajman u jvarja ħafna skont l-Istat Membru. Id-differenzi bejn il-pajjiżi kibru bejn l-2011 u l-2014 iżda naqsu fis-snin ta’ wara.
L-Iżvezja ikklassifikat l-ewwel fl-avvanz tal-ugwaljanza bejn is-sessi matul dan il-perjodu, filwaqt li l-Greċja l-aktar li batiet. Diversi Stati Membri Mediterranji u wħud mill-Istati Membri Baltiċi kienu fost dawk li laħqu l-aktar il-medja tal-UE. Fl-Italja, Ċipru, Malta u l-Portugall, l-indiċi żdied b’aktar minn 7.5 punti. L-Estonja irreġistrat l-iktar żieda impressjonanti tat-tliet Stati Membri Baltiċi – 7.3 punti.
L-impatt tal-COVID-19 hedded li jreġġa’ lura l-kisbiet reċenti fl-ugwaljanza bejn is-sessi, speċjalment fl-oqsma tax-xogħol u l-ħin. Miżuri biex irażżnu l-pandemija kellhom effett akbar fuq l-impjieg tan-nisa u wasslu għal żieda fir-responsabbiltajiet tal-kura tal-familja.