Paga ugwali għal xogħol ugwali – il-miżuri proposti
Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta għal direttiva li tistabbilixxi miżuri ta’ trasparenza fil-pagi, bħal informazzjoni dwar il-paga għal dawk li qed ifittxu xogħol, dritt li jkunu jafu l-livelli ta’ paga għall-ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol, kif ukoll obbligi ta’ rappurtar tad-diskrepanza fil-pagi bejn is-sessi għal kumpaniji kbar.
Il-proposta ssaħħaħ ukoll l-għodod għall-ħaddiema biex jitolbu d-drittijiet tagħhom u tiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja. Min iħaddem mhux se jitħalla jitlob lil dawk li qed ifittxu impjieg informazzjoni fuq kemm kienu jaqilgħu paga fil-passat u jkollhom jipprovdu data anonimizzata relatata mal-paga fuq talba tal-impjegat. L-impjegati jkollhom ukoll id-dritt għal kumpens għal diskriminazzjoni fil-paga.
Il-miżuri ġodda proposti jqisu l-impatt tal-pandemija COVID-19. Il-proposta se tkun diskussa bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-UE. Ladarba jiġu adottati, l-Istati Membri jkollhom sentejn biex idaħħlu d-Direttiva fil-liġi nazzjonali.