Dgħajjef kontra l-korruzzjoni, difettuż fid-demokrazija
L-ewwel ftit ġimgħat tal-2021 ma jawguraw tajjeb xejn għall-isfidi li għandha Malta biex twaqqaf ir-rankatura ’l isfel u tibda ssewwi r-reputazzjoni tagħha fix-xena internazzjonali. Dan is-sentiment ħareġ mill-konklużjonijiet tar-rapporti annwali ta’ żewġ organizzazzjonijiet ta’ fama internazzjonali dwar l-istat ta’ żewġ indikaturi ewlenin f’Malta – il-korruzzjoni u d-demokrazija.
Jirriżulta li fl-2020 il-pożizzjoni ta’ Malta fl-Indiċi tal-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni niżel għall-inqas livell ta’ kull żmien, ferm taħt il-medja tal-pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent. Sadanittant, il-prestazzjoni ta’ Malta fl-Indiċi tad-Demokrazija maħruġ mill-Economist Intelligence Unit kompla jiddeterjora u niżel erba’ postijiet għal numru 30 – l-iktar livell baxx mill-2006.
L-2020 kellha tkun bidu ġdid wara t-taqlib politiku li wassal għar-riżenja ta’ Joseph Muscat minn Prim Ministru fl-2019. Fid-dawl ta’ dan, tqum il-mistoqsija: Għaliex il-pajjiż għadu mdaħħal fil-korruzzjoni, minkejja l-isforzi li saru s-sena li għaddiet biex ikunu indirizzati n-nuqqasijiet tal-esperti tas-saltna tad-dritt tal-Kunsill tal-Ewropa (Il-Kummissjoni Venezja)?
Kwistjoni ewlenija li għad trid tiġi indirizzata hija s-sistema tal-ġustizzja kriminali. Ħafna drabi, persuni prominenti ġew arrestati b’rabta ma’ korruzzjoni serja ħafna jew allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus biex imbagħad jiġu meħlusa wara ftit sigħat. Barra minn hekk, anke meta jitressqu n-nies il-qorti, is-smigħ tal-każijiet idum wisq. It-tul medju tal-proċeduri ta’ ħasil tal-flus fl-ewwel istanza huwa ta’ aktar minn 2,000 jum jew aktar minn ħames snin. Sal-lum ma nħarġu l-ebda akkużi kontra persuni b’konnessjonijiet politiċi fir-rigward tar-rivelazzjonijiet tal-Panama Papers u skandli kbar bħall-ftehim tal-power station tal-Electrogas jew il-proġett tal-windfarm fil-Montenegro. Min-naħa l-oħra, fuq każijiet ferm inqas serji, bħal persuni li sarrfu ċekkijiet biex għamlu qligħ ta’ €3, ġew esposti fuq il-mezzi tax-xandir daqs li kieku kienu suspettati internazzjonali. Għalkemm is-sena li għaddiet inħatar kummissarju tal-pulizija ġdid, il-perċezzjoni pubblika dwar l-infurzar f’Malta tibqa’ li l-istituzzjonijiet huma b’saħħithom maż-żgħir u dgħajfa ma min hu b’saħħtu.
Is-sena l-oħra l-gvern għamel sforz biex jirriforma l-ġudikatura, fejn m’għadx għandu diskrezzjoni fil-ħatra ta’ maġistrati u mħallfin. Filwaqt li din il-mossa ġiet imfaħħra, il-kummenti tal-Prim Ministru Robert Abela dwar l-inkjesta pubblika fuq il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia qajmu mistoqsijiet serji. L-iskadenza ta’ Abela li insista li l-bord ta’ inkjesta jisma’ l-każ sal-aħħar tas-sena li għaddiet u r-rimarki tiegħu li l-proċeduri f’din l-inkjesta – li kixfu nuqqasijiet serji fl-ogħla livelli ta’ poter – kienu jmorru lil hinn mit-termini ta’ referenza, ġew interpretati bħala attakk fuq il-bord tal-inkjesta nnifsu.
Fir-rapport tiegħu The Economist innota li s-sena li għaddiet Malta baqgħet meqjusa bħala “demokrazija difettuża”. Din id-deskrizzjoni tingħata lil dawk il-pajjiżi li għandhom elezzjonijiet ħielsa u ġusti, fejn il-libertajiet ċivili bażiċi huma rispettati iżda hemm ċerti problemi (bħal ksur tal-libertà tal-mezzi tax-xandir). Demokraziji difettużi bħal Malta għandhom dgħjufijiet sinifikanti fil-governanza, kultura politika sotto-żviluppata u livelli baxxi ta’ parteċipazzjoni politika.
Malta tinsab f’salib it-toroq – li tagħmel riformi biss mhux biżżejjed. Irid isir aktar biex il-kritiċi tagħha jkunu verament konvinti, partikularment dawk li jħarsu lejn Malta b’ċertu suspett. Il-gvern jeħtieġ li jagħmel l-affarijiet b’serjetà u b’sens ġenwin ta’ impenn jekk verament irid itejjeb is-sitwazzjoni. Sadattant, iż-żmien għaddej u l-verdett tal-Moneyval qed joqrob. Hemm ukoll il-prospett ta’ passi legali mill-UE kontra Malta fuq l-iskema tal-bejgħ tal-passaport. Ma fadalx żmien x’nitilfu. Min hawn u sena oħra jaf ikun tard wisq.