L-użu tal-foodbank jitrippla f’inqas minn sentejn
F’inqas minn sentejn in-numru ta’ familji u individwi bi dħul baxx li jirrikorru għall-għajnuna mill-Foodbank Lifeline Foundation irdoppja u issa jlaħħaq madwar 300. Is-sitwazzjoni kompliet tiggrava bl-istaġnar ekonomiku li ġabet magħha l-pandemija Covid-19. Din is-sitwazzjoni tikkuntrasta mal-istatistika uffiċjali li tgħid li bejn l-2013 u l-2019 dawk f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali naqsu b’5,000.
“Minn Marzu 2019 in-numru ta’ ‘klijenti’ li jirċievu għajnuna fil-forma ta’ prodotti tal-merċa mill-foodbank telgħu minn madwar 110 għal 295. Fil-bidu tal-pandemija n-numru kien tela’ għal madwar 600 familja fil-ġimgħa u minn dakinhar naqsu għal madwar 300 familja fil-ġimgħa” kelliema għall-Fondazzjoni qalet.
L-għajnuna mill-Foodbank Lifeline hija fil-forma ta’ borża ta’ oġġetti essenzjali ta’ ikel u xorb bħal għaġin, te, kafè u laned tal-ikel. Il-provvisti huma ppjanati li jservu għal madwar ġimgħa. L-iskema b’kollox iddum sitt ġimgħat, meta s-sitwazzjoni tiġi vvalutata mill-ġdid u jekk ikun hemm bżonn, l-għajnuna tiġi estiża sa mhux iktar minn 18-il ġimgħa.
Minbarra ċentri ta ‘distribuzzjoni fil-Belt Valletta, Foodbank Lifeline tilħaq lil dawk fil-bżonn permezz ta’ ċentri oħra fil-Birgu, Tas-Sliema, il-Fgura u l-Qawra.
“Aħna noffru soluzzjoni għal żmien qasir biex tagħti ftit serħan sakemm dawk konċernati jsibu l-mezzi biex itejbu s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom. Il-klijenti kollha fil-Foodbank Lifeline iridu jiġu riferuti minn social worker biex jibdew jirċievu l-għajnuna tagħna,” qalet il-kelliema.
Minbarra s-sensji ikkawżati mill-pandemija li affettwaw b’mod speċjali lill-ħaddiema fit-turiżmu u dawk fil-qasam kulturali, il-kawża ewlenija tal-faqar hija ż-żieda fil-prezzijiet tal-akkomodazzjoni u l-kirjiet. Barra minn hekk, il-fenomenu tal-hekk imsejħa ‘working poor’ – it-terminu użat għal dawk li għandhom xogħol imma li ma jistgħux ilaħħqu mal-ħajja – żdied minħabba ż-żieda fil-kirjiet.
“Għandna wkoll numru pjuttost sinifikanti li għandhom bżonn l-għajnuna sakemm jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet tagħhom biex ikunu eliġibbli għal sussidju għall-kera, akkomodazzjoni soċjali jew għajnuna soċjali.”
Iż-żieda qawwija fin-numri wasslet għal sitwazzjoni fejn in-nies fil-bżonn ġieli jippreżentaw ruħhom fil-Foodbank Lifeline mingħajr riferiment. F’każijiet bħal dawn Foodbank Lifeline kellu jadatta għas-sitwazzjoni billi joħroġ pakkett żgħir biex jilqa’ għal dawn il-każijiet urġenti.
Fatt interessanti hu li m’hemm l-ebda settur partikolari tas-soċjetà li hu partikularment suxxettibbli għall-faqar għax kulħadd jista’ jintlaqat f’xi żmien jew ieħor.
Sadanittant, qed jiżdied it-tħassib dwar każijiet ta’ persuni bla saqaf fuq rashom – xi ħaġa li sa ftit snin ilu f’Malta kienu prattikament ineżistenti.
“Dan l-aħħar qed ninnutaw li wħud min-nies li jiġu għandna mhux qed jaċċettaw ċertu ikel li nipprovdu għas-sempliċi raġuni għaliex huma bla dar u m’għandhomx fejn isajru. Huwa inutli li tagħti għaġin lil dawn in-nies peress li m’għandhomx kċina. Aħna nippruvaw nakkomodawhom billi nipprovdu tipi alternattivi ta’ ikel meta jkun disponibbli.”
Foodbank Lifeline hija NGO irreġistrata li hi ffinanzjata minn donazzjonijiet privati li jintużaw biex jiksbu provvisti tal-ikel bi prezzijiet bl-ingrossa biex jitqassmu lil dawk fil-bżonn. Dawk interessati li jappoġġjaw din il-fondazzjoni jistgħu jew jaċċessaw il-websajt fuq din il-link, jikkuntattjawhom fuq Facebook jew jagħtu oġġetti tal-ikel li ma jitħassrux f’diversi ċentri li għandhom f’Malta.