Naddattaw għall-COVID-19
Għaddew kważi sitt xhur mindu l-COVID-19 ġie dikjarat bħala pandemija dinjija. Hekk kif din l-epidemija kienet qed tiżviluppa fi Frar 2020, bi ftit informazzjoni dwar il-coronavirus il-ġdid, ix-xjentisti mid-dixxiplini kollha offrew il-projezzjonijiet tal-epidemija u pproponew miżuri li kellhom għan wieħed komuni: li ngħaddu mill-agħar fażi tal-epidemija u s-sitwazzjoni tkun ikkontrollata bl-aħjar mod.
Kontribuzzjonijiet bikrija pprovaw jikkwantifikaw u jissimulaw l-aħjar miżuri u, bl-aktar mod wiesa’, ipproponew lockdown strett ta’ xahrejn jew tliet xhur li ġie impost ftit ġimgħat wara li faqqgħet l-epidemija. Xi pajjiżi ħaddmu lockdowns severi li bdewhom minn ġimagħtejn wara l-imxija u baqgħu għaddejjin bihom sa tliet xhur. F’Malta, diversi miżuri restrittivi kienu infurzati fuq in-negozji u fuq il-popolazzjoni ġenerali li wasslu għal tħarbit fis-suq tax-xogħol kif ukoll ħoloq diffikultajiet finanzjarji fost il-ħaddiema u n-negozji. Barra minn hekk, l-imxija tal-COVID-19 ukoll ħolqot kwistjonijiet ta’ saħħa mentali lil diversi persuni li sabuha diffiċli biex ilaħħqu mal-ħajja meta ġew esposti, fost oħrajn, għall-aħbarijiet ta’ kuljum, l-aktar dawk mill-media soċjali.
Sitt xhur wara, l-inċertezza madwar il-COVID-19 għadha tippersisti. Każijiet konfermati globalment qed jiżdiedu b’mod kostanti. Filwaqt li miżuri stretti ta’ lockdown tneħħew f’ħafna pajjiżi, każijiet ġodda reġgħu żdiedu f’nazzjonijiet oħrajn, hekk kif id-dinja qisha qed tirrassenja ruħha li dan il-coronavirus x’aktarx se jibqa’ magħna għal ħafna żmien. F’Malta, il-każijiet ukoll qed jiżdiedu, tant hu hekk li l-frontliners bħat-tobba u l-infermieri jinsabu eżawriti ħafna.
Xi ħaġa li għadha mhix magħrufa dwar il-COVID-19 hu jekk individwi li jirkupraw mill-virus jistgħux jiġu infettati mill-ġdid. Jidher li meta jitfaċċa xi virus ġdid, huwa impossibbli biex wieħed ikun jaf jekk l-immunità hix permanenti jew jekk titlaqx, sakemm jgħaddi żmien biżżejjed biex isiru aktar studji. Ix-xjentisti qed jgħidu li jekk l-immunità għall-COVID-19 hija temporanja, il-marda ssir endemika.
L-ispeċjalisti mediċi huma tal-opinjoni li lockdown parzjali jew miżuri dwar it-tbegħid soċjali jistgħu jkunu n-norma għal xi snin li ġejjin.
Bħalissa l-unika policies li huma għad-dispożizzjoni tagħna huma interventi li mhumiex mediċi bħad-distanza soċjali, il-ħasil tal-idejn u miżuri restrittivi. Fl-istadji bikrija tal-COVID-19, tali policies ħolqu piżijiet kbar mil-lat soċjali, ekonomiku u dak marbut mal-kura tas-saħħa.
Madankollu, nistennew li ‘l quddiem il-Gvern, in-negozji u l-individwi x’aktarx li jaddattaw dwar kif jagħmlu l-affarijiet u jaħdmu biex jimmitigaw il-piżijiet li qed ġġib magħha din il-pandemija. In-nies se jsiru iżjed kawti fl-affarijiet ta’ kuljum, in-negozji jistgħu jiddependu inqas minn terzi persuni, filwaqt li entitajiet oħrajn bħall-iskejjel, operaturi tat-trasport u produtturi, biex insemmu xi wħud, jistgħu jsibu modi innovattivi biex isiru iktar flessibbli u reżiljenti fil-modi kif iwasslu s-servizzi u l-prodotti tagħhom.
Nittamaw li bil-kreattività u bir-riżorsi tagħha, l-umanità titgħallem tgħix bil-virus, dejjem jekk dan jibqa’ magħna għal ħafna żmien.