Il-Gvern jagħżel il-gwadann tal-ftit u jipperikola s-saħħa tal-poplu kollu
Pajjiżna għandu bżonn direzzjoni serja għax ninsabu f’sitwazzjoni fejn qed ikollna ‘splużjoni’ ta’ każi tal-COVID-19.
F’laqgħa twila ħafna, li damet kważi tmien sigħat, bejn l-imsieħba soċjali u l-Prim Ministru nhar il-Ħamis 6 ta’ Awwissu, ma tteħditx deċiżjoni assoluta biex l-attivitajiet tal-massa jitwaqqfu kompletament. Minkejja t-tħassib u l-pariri li tqajmu minn rappreżentanti tal-imsieħba soċjali, il-Gvern irid jibqa’ għaddej bl-avvenimenti pubbliċi, għalkemm b’numru limitat ta’ nies, f’nofs pandemija.
Pajjiżi Ewropej oħrajn ordnaw il-waqfien ta’ attivitajiet tal-massa. Il-Gvern Malti, għall-kuntrarju, ma jridx iċedi għall-pressjoni li qed issirlu minn min irid il-ħarsien u saħħet il-poplu jkunu salvagwardjati. Dan għax il-Gvern, minflok, irid jiftaħ lil pajjiżna beraħ għall-barranin.
Voice of the Workers jisħaq li sabiex ikollna ekonomija b’saħħitha jrid ikollna poplu b’saħħtu. Il-Gvern qiegħed hemm biex jissalvagwardja s-saħħa tal-poplu. Inutli li niftħu l-ekonomija u naġevolaw in-negozji meta l-każi tal-Coronavirus qed jiżdiedu b’mod konsiderevoli.
Il-Gvern dlonk nesa li l-miżuri ordnati minnu stess sfurzaw lil ħafna Maltin biex jingħalqu ġewwa. Issa jrid jarmi s-sagrifiċċji li saru minn kulħadd minħabba deċiżjonijiet li aktar iħarsu lejn min irid jigwadanja malajr milli lejn is-saħħa.
Sadattant, dan il-portal jappella lill-pubbliku biex jibqa’ jobdi l-pariri u l-appelli mogħtija mill-awtoritajiet tas-saħħa. In-nies iridu jkunu huma stess li jikkontrollaw fejn se jmorru. Jesiġi wkoll biex tingħata iżjed protezzjoni lil min huwa vulnerabbli u kulmin joħroġ barra joqgħod attent għalih innifsu u għal persuni oħrajn.
Voice of the Workers ifakkar li Malta damet ħames xhur tiġġieled kontra l-Coronavirus u sfortunatament, meta nħarsu lura, naraw li l-Gvern ma tgħallem xejn anzi qed jieħu passi mgħaġġlin b’detriment għas-saħħa tal-poplu Malti.
(Dan l-editorjal ġie sottomess nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Awwissu)