Il-MEUSAC qed jorganizza tliet sessjonijiet virtwali dwar il-bini tal-kapaċità – sessjonijiet li huma  ideali għal organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs), skejjel u entitajiet pubbliċi. Is-sessjonijiet se jsiru kif ġej: fl-14 ta’ Lulju għall-NGOs, fis-16 ta’ Lulju għall-entitajiet pubbliċi u fis-17 ta’ Lulju għall-iskejjel. Is-sessjonijiet se jdumu sagħtejn u se jsiru onlajn. 

Matul is-sessjonijiet, il-parteċipanti se jkunu provduti b’informazzjoni dwar il-prinċipji ġenerali fil-kitba tal-proġetti u l-proċess ta’ applikazzjoni għal opportunitajiet ta’ fondi mill-UE. Prinċipji ġenerali li se jkunu koperti jinkludu għajnuniet fil-kitba tal-proġetti, spjegazzjoni ta’ kliem tekniku kif ukoll tagħrif dwar il-mistoqsijiet ġenerali li wieħed issoltu jsib f’applikazzjonijiet għal fondi Ewropej u kif dawn għandhom jiġu mwieġba. 

Is-sessjonijiet se janalizzaw il-proċess fil-kitba tal-proġetti f’fażijiet definiti u ċari filwaqt li se jiggwidaw lill-parteċipanti biex jidentifikaw opportunità rilevanti ta’ fondi biex jikkonkludu applikazzjoni għal fondi Ewropej. 

Matul dawn is-sessjonijiet, il-parteċipanti se jkunu jistgħu jistaqsu kull mistoqsija li jridu. Sa tmiem is-sessjoni tagħhom, il-parteċipanti huma mistennija li jiksbu iżjed għarfien ta’ prattiċi tajbin fil-kitba tal-proġetti u kif wieħed jimla formola ta’ applikazzjoni għal fondi Ewropej. 

Għal aktar informazzjoni kkuntattja lil MEUSAC fuq 22003300 jew funding.meusac@gov.mt.