L-għaġla fir-rilaxx tar-restrizzjonijiet tista’ tħarbat kollox
Ir-Rebbiegħa għaddejja ġmielha imma dan iż-żmien jinsab imtappan b’realtà serja. Ħadd ma jaf fiċ-ċert meta l-ħajja se terġa’ lura qrib in-normalità u għal meta jkun sikur li noħorġu barra trankwilli.
Ir-restrizzjonijiet qed jiġu mneħħija bil-mod il-mod, bl-awtoritajiet tas-Saħħa jimmonitorjaw is-sitwazzjoni f’kull pass li jsir.
Sakemm in-numri jibqgħu baxxi l-Gvern mbagħad ikun jista’ jirrilaxxa aktar restrizzjonijiet. Madankollu, jekk malli titneħħa miżura, l-awtoritajiet tas-Saħħa jaraw li n-numru ta’ każijiet jibdew jiżdiedu b’rata mgħaġġla, ma jkunx hemm triq oħra ħlief li jerġgħu jimponu dik il-miżura.
Il-mazz jinsab f’idejna dwar kemm se nibqgħu dixxiplinati u nobdu l-ordnijiet li joħorġu mill-awtoritajiet tas-saħħa. Il-mazz ukoll jinsab f’idejn l-awtoritajiet biex jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom b’għaqal kbir.
L-uffiċjali tas-Saħħa qed jaħsbu kif tista’ tkun il-ħajja ladarba nkunu meħlusin minn din il-marda. Iżda xorta waħda qed joqogħdu attenti li ma jħallux dan il-virus perikoluż jiġi lura għax inkella l-konsegwenzi jkunu estremament serji.
L-awtoritajiet tas-Saħħa qed jisħqu mal-pubbliku biex ikompli josserva l-prattika tat-tbegħid soċjali. Dan għax ma nafux meta din il-kriżi se tintemm u lanqas ma nafu kif se tkun il-ħajja wara li din is-saga tispiċċa. Xi residenti qed jitilfu l-paċenzja. Min-naħa l-oħra, l-ekonomija trid tibda tqum fuq saqajha mill-ġdid. Imma ma rridux ngħaġġlu.
Sakemm jinstab vaċċin, jibqgħu jsiru t-testijiet u jkunu iżolati dawk li jkollhom is-sintomi tal-virus. Il-viġilanza tissokta sakemm ikun il-bżonn u dan biex ikun hemm prevenzjoni ta’ xi imxija ġdida li tista’ tisplodi. Għalhekk avvenimenti tal-massa mhux qed isiru. Sfortunatament il-partitarji tal-klabb tal-futboll tal-Furjana ġew jaqgħu u jqumu u għax it-tim tagħhom rebaħ il-kampjonat ħarġu jiċċelebraw fuq il-Fosos. Fejn kienu l-Pulizija biex iferrqu lin-nies?
Intant, jekk ir-restrizzjonijiet jitneħħew malajr, nistgħu nippermettu lill-virus biex jiġi lura. Il-politiċi jridu joqogħdu attenti biex ma jħarbtux dak li diġà sar. Aħjar issa ngħidu ‘uff’ milli mbagħad ngħidu ‘aħħ’! X’taħsbu?