Il-libertà tal-moviment tas-servizzi u n-nies huma tnejn minn erba’ libertajiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, libertajiet li huma kruċjali għall-funzjoni tas-Suq Waħdieni. Sabiex tassigura li dawn id-drittijiet ikunu mħarsa, l-Unjoni Ewropea ħejjiet mekkaniżmu għar-rikonoxximent konġunt ta’ kwalifiki ħalli jingħelbu l-ostakli li ċ-ċittadini Ewropej qed jiffaċċjaw bħala professjonisti. Dan il-mekkaniżmu jassigura li l-kwalifiki ta’ professjonisti jkunu rikonoxxuti jekk jixtiequ jipprattikaw il-professjoni tagħhom fi stat membru ieħor.

Dan il-mekkaniżmu japplika għall-professjonisti regolati. Jekk il-professjoni tkun waħda fejn min irid jipprattika l-professjoni f’pajjiż tal-UE li jkun regolat, mela jrid japplika biex ikollu l-kwalifiki professjonali rikonoxxuti f’dak l-istat membru.

Il-proċedura ta’ kif il-kwalifiki professjonali jkunu rikonoxxuti tvarja skont il-professjoni, u jekk wieħed ikun se jgħix fi stat membru ieħor b’mod permanenti jew b’mod temporanju. F’każ ta’ għixien permanenti u prattika ta’ professjoni, wieħed irid jgħaddi minn proċess ta’ rikonoxximent ta’ kwalifiki. Min-naħa l-oħra, meta wieħed ikun biss se jipprattika l-professjoni b’mod temporanju mela l-persuna trid biss li tissottometti dikjarazzjoni lill-Awtorità konċernata.

Mod ieħor kif wieħed ikollu l-kwalifiki tiegħu rikonoxxuti hu permezz tal-Card Professjonali Ewropea (EPC). Din hi proċedura onlajn mifruxa madwar l-Ewropa li tgħin lin-nies biex ikollhom il-kwalifiki personali rikonoxxuti b’mod aktar effiċjenti. Il-EPC tinkiseb għall-infermieri, fiżjoterapisti, spiżjara u aġenti tal-proprjetà. Il-proċedura tal-applikazzjoni għall-EPC tista’ tibda f’Malta u anki tista’ tiġi ppreżentata bil-Malti jew b’lingwa oħra tal-UE. Malli l-proċedura tiġi konkluża, l-applikant jikseb ċertifikat onlajn li jikkonferma r-rikonoxximent tal-kwalifika professjonali.

Jekk trid assistenza fir-rikonxximent tal-kwalifiki Maltin f’pajjiżi barranin jew biex tapplika għall-EPC, irreferi għaċ-Ċentru Malti tar-Rikonoxximent tal-Kwalifiki li jista’ jintlaħaq permezz tal-email fuq mutualrecognition.ncfhe@gov.mt