Il-fake news u l-effett tagħhom fuq is-soċjetà
Qed ngħixu f’era tal-informazzjoni, jew aħjar, żmien ta’ disinformazzjoni. Il-fatt li qed ngħixu f’dinja li tadura t-teknoloġija u l-għerf, issa dħalna f’fażi fejn m’għadniex kapaċi nafdaw jekk l-informazzjoni li nirċievu hix falza jew le. Agħar minn hekk, ma nafux jekk min ipprovda l-informazzjoni hux ta’ min jorbot fuqu jew le.
L-aħbarijiet foloz għandhom diversi definizzjonijiet. Bażikament, l-aħbarijiet foloz huma maħdumin bl-intenzjoni li jiżgwidaw, jagħmlu ħsara lil xi ħadd jew biex jattiraw l-attenzjoni lejn xi kawża u b’hekk jiksbu attenzjoni ikbar fuq il-media. Tali informazzjoni tista’ tkun sensazzjonali, parzjali, provokattiva, fabbrikata, b’xi ġurnalisti jew eks ġurnalisti saħansitra jirrikorru għat-tsektsik. Il-fake news tal-lum ukoll jinkludi ritratti u filmati mbagħbsa jew jinkoraġġixxu lin-nies biex jaġixxu quddiem il-kameras.
Sa ftit tas-snin ilu, meta l-media stampata u t-televiżjoni ddominaw id-distribuzzjoni tal-informazzjoni, il-media kienet fdata biex tagħti opinjonijiet bilanċjati u ġabet aspetti differenti tal-argument sabiex il-qarrej jiġġudika dak li hu korrett. Il-ġurnali u l-istazzjonijiet televiżivi kienu jipproduċu l-ġurnaliżmu investigattiv biex joħorġu l-verità.
Imma bil-wasla tal-informazzjoni diġitali, dawn il-mezzi tradizzjonali tilfu d-dħul mir-reklami u l-media soċjali rrenjat, allura l-kwalità tal-ġurnaliżmu ddeterjora. Sabiex jattira l-attenzjoni, il-kontenut fil-ġurnali u fuq it-televiżjoni sar aktar u aktar sensazzjonali, kif ukoll xaqleb lejn naħa waħda.
Il-ġlieda biex wieħed jaqra kontenut minn fuq portal milli minn fuq portal ieħor ukoll affettwa l-media soċjali, fejn id-dħul mir-reklamar ta’ media outlets jiddependi fuq l-abbiltà tagħhom biex jattiraw il-qarrejja.
Kemm qed ikunu importanti l-aħbarijiet fażulli? Taħsbu li qed ikunu ta’ ħsara? Għandhom ikunu regolarizzati? Jeżistu ħafna trolls u pjattaformi tal-media soċjali li jaġixxu biex ixerrdu l-aħbarijiet foloz. Iżda huwa diffiċli biex wieħed jaqbel dwar min għandu jirregolarizza l-aħbarijiet foloz u jiddeċiedi x’inhu falz jew le. Xi wħud jemmnu li l-pjattaformi tal-media soċjali għandhom jimmonitorjaw x’jittella’ fuq l-internet, imma oħrajn iridu lill-gvernijiet biex ikunu involuti.
Argument partikulari li huwa assoċjat ma’ dan kollu hu jekk il-libertà tal-espressjoni, imbuttata mill-media soċjali, hix qed tippromwovi l-mibegħda u d-diviżjonijiet. Wieħed jistaqsi: il-libertà tal-espressjoni fallietna? Il-libertà tal-espressjoni hi strument tajjeb, wieħed li jfittex il-verità. Il-problema reali hi li m’għandniex biżżejjed fatti u ma jistax ikollna dibattitu razzjonali dwar x’inhi l-verità.
Il-libertà tal-espressjoni tissodisfa biss il-funzjoni tagħha, li tfittex il-verità, meta l-aġenti kollha qed jitkellmu b’rieda tajba; meta lkoll jaqblu li l-verità hi t-tir tal-konversazzjoni, li l-fatti huma importanti, li hemm ċertu livelli ta’ evidenza u argumentazzjoni li huma ammissibbli, li l-kelliema għandhom dmir li jkunu miftuħin għall-kritika.
Jekk, madankollu, wieħed jostakola lil ħaddieħor permezz tal-intimidazzjoni, it-theddid, l-insulti, il-firxa wiesgħa ta’ misinformazzjoni, allura d-djalogu ċivili jintemm u l-istess jiġri lis-saltna tad-dritt.
Qed ngħixu fi żmien mhux tal-informazzjoni imma ta’ rabja. Minħabba l-kapitaliżmu finanzjarju, inugwaljanzi kbar tħallew joktru, li kissru d-djalogu razzjonali, nisslu sfiduċja fl-istituzzjonijiet u żiedu l-mibegħda u d-diviżjonijiet.
Għandna nħallu l-media soċjali biex issaħħaħ dan il-proċess, mhux għall-għaqda imma għall-firda?