X’jixtiequ ż-żgħażagħ mill-futur ta’ pajjiżna?
Iż-żgħażagħ Maltin ma jridux biss li jsemmgħu leħinhom imma li tittieħed azzjoni fuq dak li jgħidu. F’attivitajiet organizzati mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, isiru diskussjonijiet fuq diversi aspetti li qed jolqothom fil-laħam il-ħaj, fosthom dwar il-prezzijiet tal-propjetà kif ukoll dwar l-edukazzjoni li qed jieħdu llum u kif din se tippreparahom għal xogħol ta’ 20 sena oħra.
Tajjeb ngħidu li l-edukazzjoni f’Malta mhix tirrifletti l-impjiegi li se jkollhom iż-żgħażagħ għaż-żmien li ġej. L-awtoritajiet kompetenti u l-partijiet interessati jridu wkoll jiffokaw, per eżempju, fuq il-green jobs – jew aħjar xogħolijiet fil-biedja, fil-manifattura, fir-riċerka u l-iżvilupp, f’attivitajiet amministrattivi u li jipprovdu s-servizzi – li jikkontribwixxu b’mod sostanzjali biex jippreservaw jew itejbu l-kwalità ambjentali. Hawnhekk jidħol il-bżonn li ż-żgħażagħ jiġu edukati fihom ħalli għada pitgħada jkunu jistgħu jimirħu f’dan is-settur.
L-istess jista’ jingħad għall-ekonomija blu, jew aħjar l-użu sostenibbli tar-riżorsi mill-baħar għat-tkabbir ekonomiku, u impjiegi minn dawn ir-riżorsi biex jippreservaw is-saħħa tal-ekosistema tal-baħar. Kemm hawn żgħażagħ Maltin speċjalizzati f’dan il-qasam? Kull żagħżugħ u żagħżugħa li jridu jispeċjalizzaw f’dan is-suġġett qed isiefru u jgħixu f’pajjiż barrani biex jistudja u saħansitra jsib impjieg relatat.
Naraw ħafna Maltin li qed jiksbu suċċess personali u fl-istess ħin qed jagħmlu isem tajjeb lil art twelidhom. L-isfida hi li r-riżorsa tal-imħuħ tiġi lura Malta biex tikkontribwixxi fl-avvanzi tal-pajjiż. Hija ġustifikata li żagħżugħ jitlaq minn Malta biex isib xogħol u għixien aħjar?
Sadattant, iż-żgħażagħ Maltin qed jissoktaw isemmgħu leħinhom u l-ideat tagħhom qed ikunu mismugħa. Meta tissawwar politika miż-żgħażagħ din ma titħalliex fuq il-karta imma tiġi aċċettata. Fix-xhur li għaddew, kien l-istess Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ li ġabar 33 firma minn għaqdiet taż-żgħażagħ u eventwalment saret ħidma mal-membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra tar-Rappreżentanti biex Malta sejħet stat ta’ emerġenza fejn tidħol il-bidla fil-klima. Il-mazz issa jinsab f’idejn il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ biex jara li din id-dikjarazzjoni tiġi implimentata.
Barra minn hekk, matul is-sena li għaddiet, il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ ħadem fuq proġett dwar is-saħħa mentali u kien grazzi għall-istess żgħażagħ li ssuġġerew li jkun hemm klinika għas-saħħa mentali fit-Tramuntana ta’ Malta – idea li spiċċat bħala miżura tal-budget għal din is-sena. Issa jmiss l-implimentazzjoni tagħha.