L-UE tipproteġi
Fi sforz biex tippromwovi aktar il-ħidma li ssir mill-UE fil-qasam tas-sigurta’, l-UE nediet kampanja bl-isem ta’ l-UE Tipproteġi. L-iskop prinċipali ta’ din il-kampanja hu li titfa’ id-dawl fuq ix-xogħol imwettaq fl-oqsma tas-sigurta’, is-saħħa ambjentali u s-soċjeta’.
Il-kampanja “L-UE tipproteġi” tirrakkonta stejjer reali ta’ persuni li jaħdmu għal, jew huma appoġġjati mill-UE, u li x-xogħol tagħhom hu biex iżommu liċ-ċittadini Ewropej ħielsa mill-periklu fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. L-azzjoni tagħhom tgħin biex tħares liċ-ċittadini kontra firxa wiesgħa tal-isfidi dinija kbar tal-lum.
Il-kampanja tiffoka kemm fuq il-benefiċċji tal-kollaborazzjoni Ewropea u wkoll tippromwovi sens ikbar ta’ solidarjeta’ Ewropea. Bl-użu ta’ stejjer reali u personali, il-kampanja “L-UE tipproteġi” iġġib lill-UE eqreb maċ-ċittadin billi tesponi xogħol tanġibbli li jagħmilna lkoll sikuri.
Barra minn hekk, sabiex jippromwovi x-xogħol li jsir lokalment bil-fondi Ewropej, iċ-Ċentru tal-Informazzjoni Europe Direct fil-belt Valletta mmexxi mill-MEUSAC, ippubblika fuljett informattiv speċifiku li jippromwovi erba’ proġetti riċenti f’dan il-qasam, bl-iskop li jgħin iżjed liċ-ċittadini Maltin biex ikunu konxji tax-xogħol li jsir lokalment bl-użu ta’ fondi Ewropej.