L-użu tal-internet bil-għaqal
Ir-rwol tal-internet fis-soċjeta’ moderna tal-lum m’għandux jiġi sottovalutat. Għandu ħafna vantaġġi u żvantaġġi. L-ewwel benefiċċju li nara hu li l-internet jista’ jservi ta’ pont bejn kultura u oħra. Persuni jistgħu jikkomunikaw mal-oħrajn minn madwar id-dinja bi ftit klikks tal-mouse. Dan iwassalna biex nifhmu aħjar u naċċettaw diversi kulturi.
Imma fuq dan kollu, l-internet joffri sorsi ta’ divertiment bla limitu. Jeżistu eluf ta’ films, logħob, kotba u mużika minn fejn tniżżel b‘xejn fuq l-internet. Kull ħaġa li nistgħu nimmaġinaw bħalissa tinsab fuq l-internet. Bla dubju ta’ xejn l-internet kompletament biddel il-mod kif nistgħu ngawdu l-ħin ħieles tagħna.
L-internet huwa sabiħ u tabilħaqq vast. Iżda jeżisti wkoll l-aspett ikrah tal-bullying fuq l-internet. F’dan is-sens, l-internet jista’ jibdel il-ħajja tal-individwu ta’ taħt fuq. L-adoloxxenti u t-tfal għandhom aċċess għal paġni koroh fuq l-internet fejn jistgħu jsibu tagħrif mhux xieraq u stampi li jbeżżgħu – bħal paġni dwar disturbi fl-ikel.
Madankollu, id-dinja saret aktar dipendenti fuq l-internet. Ħafna mill-informazzjoni importanti tagħna hi maħżuna fil-kompjuters, bħar-rekords mediċi, edukattivi u finanzjarji tagħna. Iżda l-viruses fil-kompjuter qed isiru iżjed komuni u aggressivi. Id-data tagħna tinsab f’riskju li tiġi misruqa. Attakk ta’ virus aktar estrem jista’ saħansitra jwaqqaf l-ekonomija tal-pajjiż.
Barra minn hekk, ma jonqosx li jeżisti kontenut fuq l-internet li huwa ħażin għat-tfal, b’liġijiet li mhumiex iebsin biżżejjed. Tant hu hekk li ħafna siti ma jeħtiġux lil dak li jkun biex jagħti l-eta’ jew l-identita’ vera tiegħu. Għalhekk, it-tfal jinsabu f’riskju akbar li jkunu esposti għal affarijiet li jistgħu jagħmlu ħsara lis-saħħa mentali tagħhom.
Illum, ilkoll kemm aħna nużaw l-internet għax-xogħol, għall-iskola, jew biex nikkomunikaw mal-ħbieb u l-familja. Iżda spiss insibu ruħna nużaw l-internet b’mod aljenat, mingħajr ebda intenzjoni jew skop. Filwaqt li għal ħafna nies mhix ħaġa realistika li tipprova tevita l-internet, huwa tabilħaqq possibbli li nsibu ħin biex nużaw l-internet bl-aktar mod effettiv.
Bħala konklużjoni, l-użu tal-internet qisu bħalma nużaw sikkina. Jekk nużawh tajjeb u bil-għaqal, ikun għodda effettiva. Iżda jekk nużawh ħażin, jista’ jagħmlilna l-ħsara. Għaldaqstant, m’għandniex nevitaw milli nużaw l-internet. Minflok, irridu nitgħallmu nużawh sewwa.