L-ikbar sfida għall-mobbilta’ lejn zoni urbani tiġi mill-fissazzjoni li  hawn fil-bini jew fl-espansjoni ta’ infrastruttura tat-trasport fuq distanzi twal, milli tingħata assigurazzjoni lill-pubbliku biex ikollu aċċess ikbar għad-destinazzjonijiet u faċilitajiet li jissoddisfaw il-ħtiġiet  tan-nies. 

Il-Gvern u min jippjana jridu jirrealizzaw id-dritt uman tan-nies għal aċċess ugwali. Sabiex dan id-dritt jissarraf, il-partijiet interessati jridu jiffokaw l-isforzi tagħhom biex itejbu l-mobbilta’ urbana. Il-mobbilta’ mhix biss dwar l-iżvilupp ta’ infrastruttura u servizzi tat-trasport. Hija dwar li jingħelbu l-ostakli soċjali, ekonomiċi, politiċi u fiżiċi lill-mobbilta’, bħalma huma d-diżabbiltajiet fiżiċi u l-affordabbilta’. Id-dritt għal aċċess ugwali hu li tingħata s-setgħa lin-nies biex jeżerċizzaw id-drittijiet bażiċi tagħhom b’mod sħiħ. 

Il-veloċita’, l-effiċjenza u l-effettivita’ tal-ivjaġġar huma importanti, iżda l-aktar kritiku hu t-tnaqqis fil-bżonn għall-ivjaġġar, billi s-servizzi u d-destinazzjonijiet jinġiebu eqreb lejn il-pubbliku, li  jiżdied l-aċċess lir-residenti kollha, irrispettivament fost oħrajn mill-abbilta’ fiżika.  Id-dimensjoni umana ssir il-qalba tal-mobbilta’ sostenibbli. L-għan aħħari tat-trasport kollu hu l-aċċess mhux il-mobbilta’. 

Il-mobbilta’ sostenibbli tkopri rabta iżjed mill-qrib bejn l-ippjanar fit-trasport u  l-ippjanar fl-użu tal-art, jiġifieri l-organizzazzjoni tal-ispazju urban. Meta nippjanaw għal densitajiet urbani sostenibbli nkunu qed intejbu l-ispazju urban u nnaqqsu l-ħtieġa għal vjaġġar fit-tul. 

Id-disinji tat-toroq, fost oħrajn, jiddeterminaw l-aċċessibbilta’ għall-postijiet. L-arranġament fiżiku tat-toroq jista’ jinkoraġġixxi jew jiskoraġġixxi il-mixi u ċ-ċikliżmu. Għalhekk, l-ippjanar tat-toroq, it-tul tal-binjiet u postijiet ċentrali huma kunsiderazzjonijiet ewlenin meta jsir pjanar fil-mobbilta’ sostenibbli. 

Minkejja livelli dejjem jiżdiedu ta’ mobbilta’ urbana, l-aċċess għal postijiet, attivitajiet u servizzi sar aktar diffiċli. Għalhekk il-mobbilta’ sostenibbli tfisser ċaqliqa fl-enfasi mit-trasport għan-nies u l-postijiet, għalkemm għadha titlob tisħiħ fis-sistemi tat-trasport u innovazzjonijiet f’modi oħrajn ta’ komunikazzjoni.